Eluf ta’ ċittadini mill-Ġorġja ħarġu jipprotestaw fil-kapitali Tbilisi wara li nħatar president ġdid li huwa alleat mal-partit fil-gvern.
Mikheil Kavelashvili ngħata l-ġurament tal-ħatra f’perjodu politiku kritiku f’dan il-pajjiż wara li l-gvern issospenda l-applikazzjoni tiegħu biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Il-partit fil-Ġorġja “Dream” rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari f’Ottubru li għadda, iżda din ir-rebħa kienet fil-mira ta’ allegazzjonijiet ta’ frodi li qanqlu protesti kbar madwar il-pajjiż.
Il-President uxxenti Salome Zourabichvili rrifjutat li tirriżenja matul il-jum tal-Ħadd u qalet li hija kienet l-“uniku president leġittimu”. Waqt li kienet qiegħda tindirizza lill-folla, Zourabichivili qalet li kienet se tħalli l-palazz presidenzjali iżda qalet li s-suċċessur tagħha kien “illeġittimu”.
L-erba’ gruppi ewlenin tal-Oppożizzjoni tal-Ġorġja ma tawx l-appoġġ tagħhom lil Kavelashvili u bbojkottjaw il-parlament.