Sunday, October 27, 2024

Eluf ta’ Ġappuniżi jinżlu fit-toroq biex jagħtu l-aħħar tislima lill-Eks PM Shinzo Abe

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Eluf niżlu fit-toroq ta’ Tokyo biex jagħtu l-aħħar tislima lill-Eks Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar il-Ġimgħa li għaddiet waqt li kien qed jagħmel id-diskors tiegħu tal-kampanja f’Nara, fin-Nofsinhar tal-Ġappun. 

Il-funeral, li kien wieħed privat u miftuħ biss għall-ħbieb u l-qraba tal-vittma, sar fit-tempju Zojoji. Madwar il-belt ta’ Tokyo, il-bnadar ittajru mezz’asta u barra t-tempju kien hemm għadd kbir ta’ persuni ħafna minnhom iġorru bukketti tal-fjuri. Uħud qagħdu b’rashom baxxuta jitolbu, filwaqt li oħrajn bdew jibku u nstema’ wkoll għajjat ta’ “Grazzi Abe”.

F’kummenti mal-BBC, dawk preżenti ddeskrivew lil Abe bħala l-persuna li tahom sens ta’ sigurtà. Mara partikolari qalet li fl-eqqel tal-Covid, meta Abe kien Prim Ministru, huwa kien ittratta din il-kriżi b’mod effettiv. 

Il-karozza tal-mejtin li fiha kien hemm Abe għaddiet minn quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Demokratiku Liberali u baqgħet sejra lejn ir-residenza tal-Prim Ministru fejn kien hemm il-Prim Ministru Fumio Kishida u leġiżlaturi oħrajn. 

Imbagħad għaddiet minn quddiem il-bini tal-Parlament, fejn Abe daħal għall-ewwel darba bħala leġiżlatur fl-1993 u wara baqa’ sejjer lejn is-sala tal-funerali ta’ Kirigaya fil-ward ta’ Shinagawa f’Tokyo.

Abe kien l-aktar Prim Ministru li dam fil-kariga wara l-gwerra u wieħed mill-aktar politiċi influwenti fil-pajjiż. Il-Pulizija f’Tokyo qalet li Abe kien fil-mira tal-aggressur minħabba lmenti li kellu ma’ grupp reliġjuż li kien jemmen li Abe kien jifforma parti minnu. 

Sport