Saturday, November 23, 2024

Eluf ta’ ħaddiema jingħataw is-sensja minn Amazon

Aqra wkoll

Il-kumpanija ġganteska tat-teknoloġija Amazon, li tbiegħ diversi prodotti online, l-aktar kotba, se tissensja eluf ta’ ħaddiema b’konsegwenza li se tagħlaq għalkollox id-depożitarju tal-kotba li għandha fir-Renju Unit.

Id-deċiżjoni li tagħlaq dan id-depożitarju tal-kotba ttieħdet mill-kumpanija omm fl-Istati Uniti wara kważi 20 sena fin-negozju tal-bejgħ tal-kotba. Din id-deċiżjoni ġiet wara li Amazon ħabbret pjanijiet biex tnaqqas eluf ta’ impjiegi bl-iskop li tiffranka l-ispejjeż tagħha globalment.

L-aħbar intlaqgħet b’diqa minn ħafna mill-klijenti tad-depożitarju tal-ktieb minn madwar id-dinja kollha. Id-deċiżjoni tal-għeluq se tidħol fis-seħħ fis-26 ta’ dan ix-xahar. Il-kumpanija avżat fuq is-sit tagħha lill-klijenti illi jistgħu jkomplu jordnaw kotba sa nofs in-nhar ħin tar-Renju Unit fl-aħħar jum tal-kummerċ.

Id-Depożitorju tal-Ktieb fir-Renju Unit twaqqaf fl-2004 mill-ex impjegat ta’ Amazon Andrew Crawford u s-sieħeb tiegħu fin-negozju Stuart Feltonu. Fl-2011 kien inxtara minn Amazon u kellu anki uffiċċji f’Londra, Gloucester, Madrid, Cape Town u Chennai – b’ċentri ewlenin fir-Renju Unit u l-Awstralja.
Eluf ta’ klijenti tad-Depożitarju tal-Ktieb, inklużi l-awturi ta’ kotba famużi, irreaġixxew b’diqa għal din it-tħabbira u qiesuha bħala telfa kbira għalihom ilkoll.

Bħala parti mir-riorganizazzjoni, il-kumpanija ħabbret bidliet fin-negozju tagħha tal-kotba, inkluża d-deċiżjoni li tieqaf tbigħ rivisti u abbonamenti tal-gazzetti u l-kotba elettroniċi Kindle.

Ix-xahar li għadda, il-Kap Eżekuttiv Andy Jassy qal li t-tnaqqis tal-impjiegi madwar il-kumpanija kienet “deċiżjoni diffiċli” iżda tkun l-aħjar għall-kumpanija fit-tul. Qal li f’dawn l-aħħar snin, ħafna mill-oqsma tan-negozju ta’ Amazon kienu qed iżidu rwoli. Huwa żied jgħid li meta wieħed iqis l-ekonomija inċerta ta’ bħalissa, u l-inċertezza li teżisti fil-futur qarib, il-kumpanija għażlet li tkun aktar razzjonalizzati fl-ispejjeż u l-għadd ta’ impjegati magħha.

Bħal ħafna mill-industrija tat-teknoloġija globali, Amazon rat il-bejgħ b’żieda qawwija matul il-pandemija meta l-klijenti kienu mwaħħla f’darhom. Iżda riċentement il-bejgħ tagħha naqas hekk kif il-konsumaturi bdew jonfqu inqas minħabba l-kriżi tal-għoli tal-ħajja.

Kumpaniji oħra, inkluż Google u s-sid ta’ Facebook Meta, ilhom jitħabtu ma’ kif jibbilanċjaw miżuri ta’ tnaqqis fl-ispejjeż mal-ħtieġa li jibqgħu kompetittivi.

Sport