Thursday, August 28, 2025

Eluf ta’ karti tal-identità jinġabru miċ-ċentri ta’ Servizz.gov

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-servizz il-ġdid li permezz tiegħu ċ-ċittadini jistgħu jiġbru l-karta tal-identità ġdida tagħhom mill-eqreb ċentru ta’ Servizz.gov qiegħed ikompli jagħti riżultati pożittivi. Mill-bidu ta’ Ġunju, 20,061 persuna għamlu użu minn dan is-servizz.  Dan ifisser medja ta’ 250 persuna kuljum.

Dan kien frott il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-gvern Servizz.gov u Identità, bil-ħsieb biex iġġib dejjem aktar is-servizzi governattivi eqreb lejn iċ-ċittadin.

Dan is-servizz ġdid beda jingħata f’Ġunju li għadda. Minn informazzjoni li kiseb dan il-ġurnal jirriżulta li din il-miżura intlaqgħet b’mod pożittiv ferm, biċ-ċentri reġjonali ta’ Ħaż-Żabbar (2,076 ġabra), Birkirkara (1,997 ġabra) u Rabat (1,635 ġabra) jirċievu l-ogħla numru ta’ talbiet.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizz.gov Massimo Vella sostna li b’din l-inizjattiva, l-aġenzija Servizz.gov qed tkompli tafferma ruħha bħala l-one stop shop tal-Gvern, fil-qalba tal-lokalitajiet. “B’hekk iċ-ċittadin qed jinqeda f’dak li jeħtieġ, aktar malajr u b’inqas traġitt jew stennija. Fil-preżent iċ-ċittadin diġà jista’ jiġi fiċ-ċentri reġjonali u jinqeda fuq varjetà ta’ servizzi, minn benefiċċji soċjali għal servizzi relatati ma’ taxxa, grants, u assistenza fuq bosta applikazzjonijiet oħra. Se nkomplu għaddejjin biex inħaddmu dejjem aktar il-kunċett ta’ “Servizz jiġi għandek”, bl-isforzi kollha tagħna jduru mal-ħtiġijiet taċ-ċittadin li jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kulma nagħmlu.”

Il-proċess tal-ġbir miċ-ċentri ta’ Servizz.gov isegwi l-istess proċess li jsir fil-preżent meta l-Karta tal-Identità tinġabar mit-Taqsima tal-Karta tal-Identità f’Gattard House fil-Blata l-Bajda. Il-klijent ikun mitlub li jippreżenta l-karta tal-identità l-antika meta jiġbor il-ġdida, jew il-karta tal-identità temporanja (Formola ID9 flimkien mal-Formola ID5) f’każ ta’ applikanti ġodda jew karta tal-identità mitlufa.

Fil-preżent, Servizz.gov għandhom 25 ċentru imferrxa mal-pajjiż. L-aġenzija topera wkoll il-freephone Servizz.gov 153, u s-sit Servizz.gov.mt minn fejn tingħata aċċess dirett għal eluf ta’ servizzi pubbliċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport