Sunday, November 24, 2024

Eluf ta’ titjiriet ikkanċellati madwar id-dinja minħabba l-Covid-19

Aqra wkoll

Il-pjanijiet tal-ivvjaġġar matul il-vaganzi ta’ bosta persuni madwar id-dinja qed ikomplu jiġu mfixkla b’eluf ta’ titjiriet ikkanċellati f’dan it-tmiem il-ġimgħa hekk kif il-każijiet tal-Covid-19 komplew jiżdiedu.

Fil-fatt matul il-jum tal-bieraħ tħassru kważi 2,400 titjira u llum tħassru aktar minn 2,300. Minn dawn tal-aħħar, aktar minn 800 kienu se jsiru fl-Amerka.

Ħafna mit-titjiriet ġew imħassra minħabba li l-membri tal-ekwipaġġ irriżultaw pożittivi għall-Covid-19 jew jinsabu fi kwarantina. 

Din is-sitwazzjoni mistennija tkompli matul il-jum tal-Ħadd fejn qed jiġi rrappurtat li hemm mijiet ta’ titjiriet oħra kkanċellati.

L-aqwa espert tal-mard infettiv tal-Amerika, Dr Anthony Fauci, wissa aktar kmieni din il-ġimgħa li l-ivvjaġġar tal-Milied se jżid it-tixrid tal-varjant anke fost dawk imlaqqma għal kollox.

Madankollu, eluf sabu li l-pjanijiet tagħhom ġew imħarbta hekk kif it-titjiriet madwar il-pajjiż ġew ikkanċellati.

L-agħar kumpaniji Amerikani milquta huma Delta, United Airlines u American Airlines.

Fl-aħħar jiem bosta pajjiżi madwar l-Ewropa rreġistraw żieda fil-każijiet tal-Covid-19, b’uħud minnhom saħansitra jilħqu livelli rekord.

B’konsegwenza ta’ dan, bosta pajjiżi madwar l-Ewropa introduċew mill-ġdid miżuri restrittivi. 

Sport