“L-ebda prinċipal jew impjegat ma jista’ jagħti fastidju lil impjegat ieħor jew jagħti fastidju lill-prinċipal billi jassoġġetta lil dik il-persuna għal kull att, talba jew kondotta mhux mixtieqa, li jinkludu kliem bil-fomm, ġesti jew il-produzzjoni, il-wiri jew iċ-ċirkolazzjoni ta’ kliem miktubin, stampi jew materjal ieħor, li rigward dik il-persuna huma bbażati fuq diskriminazzjoni sesswali u li jistgħu raġonevolment jitqiesu bħala offensivi, umilijanti u intimidatorji lejn dik il-persuna.”
Issa, din l-aħħar parti hija differenti mit-test bl-Ingliż, li huwa “which could reasonably be regarded as offensive, humiliating or intimidating to such person”. Waqt li kompla biex jispjega l-emenda, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qal li dan l-abbozz qiegħed jitressaq għal finijiet ta’ ċertezza legali. Huwa spjega li qiegħed ikun propost li jiġu sostitwiti l-kliem, ‘offensivi, umiljanti ‘u’ intimidatorji’, bil-frazi, ‘offensivi, umiljanti ‘jew’ intimidatorji’.
Filwaqt li elenka numru ta’ sitwazzjonijiet fejn sa issa kien hemm lok għal interpretazzjonijiet differenti bejn it-test bil-Malti u dak bl-Ingliż, il-Ministru Attard qal li b’din l-emenda f’dan l-abbozz issa qed tiddaħħal iċ-ċertezza u fuq kollox kjarifika li mhux neċessarjament ikun hemm atti offensivi, umiljanti ‘u’ intimidatorji, iżda saħansitra titwettaq l-offiża kemm -il darba jkun hemm waħda ‘jew’ oħra.
Il-Ministru għamel referenza għal Marzu li għadda u l-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li f’Marzu li għadda korrettament issenjalat din id-diskrepanza fit-test u qal li kif tenna dakinhar, hu għadu jemmen u jsostni li rrispettivament mill-ġeneru u s-sess, kull individwu għandu jħossu komdu u sigur li jmur għall-ġurnata tax-xogħol tiegħu.