Saturday, December 14, 2024

Emenda li se tnaqqas l-iskariġġ għall-Għawdxin fis-smigħ ta’ kawżi kostituzzjonali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Permezz ta’ tibdil fil-liġi, se jkun possibbli li meta jkunu ppreżentati kawżi kostituzzjonali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) minn residenti Għawdxin, dawn il-kawżi jkunu jistgħu jinstemgħu fil-binja tal-Qorti t’Għawdex stess.

Stqarr dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. 

Il-Ministru Attard qal li r-realtà hi li ċittadini Għawdxin ħafna drabi jkollhom jaqsmu l-fliegu lejn Malta sabiex ikunu jistgħu jużaw servizzi varji inkluż is-servizzi tal-ġustizzja. Qal li sfortunatament dan għadu jseħħ sal-lum il-ġurnata f’ċertu kawżi.

“Għaldaqstant, qed inressqu dan l-abbozz li jitratta dawk li huma kawżi kostituzzjonali. Dan se jwassal għal ħafna inkas skariġġ ulterjuri lill-individwu li jkun għamel il-kawża u jkun qed ifittex rimedju kostituzzjonali,” tenna l-Ministru Attard li fakkar li b’dan il-mod se tkun qiegħda titwettaq wegħda oħra fil-manifest elettorali Malta Flimkien.

Huwa spjega l-proċedura kif inhi bħalissa fejn qal li kull kawża li tiġi preżentata fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) jinstemgħu Malta indipendentement jekk wieħed mil-partijiet jirrisjedix Għawdex. 

“Dan dejjem kien inkonvenjent għal dawn l-individwi li mhux qed ikollhom l-opportunità li l-kawżi tagħhom jinstemgħu fi gżirithom. M’aħniex qegħdin nivvintaw ir-rota. Għaliex hekk kif attwalment fil-qorti t’Għawdex jinstemgħu kawżi fil-Qorti Ċivili sezzjoni kummerċ u Appelli Kriminali Inferjuri.

“Permezz ta’ emendi proposti qed jiġi provdut li l-kawżi fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili Sede Kostituzzjonali fejn il-persuna li qiegħda tiftaħ l-allinjanza taħt id-diżpożizzjoniet tal-Kostituzzjoni jew taħt l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea, li tkun qiegħda tirrisjedi f’Għawdex jew il-persuna legali jkollha indirizz reġistrat f’Għawdex issa se tkun tista’ tagħmel dan u jkun hemm is-smigħ tal-kawża fil-Qorti t’Għawdex stess.” 

Il-Ministru Attard semma wkoll li l-assenjazzjoni ta’ ġudikant hija dejjem fid-diskrezzjoni tal-Prim Imħallef. Hawn huwa rrimarka li dan l-impenn, il-Gvern daħal għalih f’diskussjoni sħiħa mal-Prim Imħallef filwaqt li din il-bidla tista sseħħ billi jkun assenjat Imħallef li diġa’ qed jisma kawżi f’Għawdex.

Ekonomija

Sport