Wednesday, April 24, 2024

Emenda li ssaħħaħ il-qafas regolatorju b’saħħtu dwar l-użu responsabbli tal-kannabis

Aqra wkoll

“L-emenda fil-liġi dwar il-Kummissarju għall-Ġustizzja se tkompli ssaħħaħ il-qafas regolaratorju diġà b’saħħtu li għamilna dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis.”

Stqarret dan is-Segretarju Parlamentari għar-Riforma u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg f’diskors li għamlet fil-Parlament fejn qalet li din l-emenda bl-ebda mod mhi se tnaqqas il-pieni maħsuba għal ksur ta’ liġijiet dwar l-abbuż tal-kannabis u drogi oħra.

“Pjuttost bil-maqlub,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg. “Dan għaliex se tipprovdi multi amministrattivi mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC).

Spjegat li b’din l-emenda, il-poteri punittivi li s’issa kienu vestiti fil-Kummissarju tal-Ġustizzja se jingħataw ukoll lill-Awtorità biex hi tkun tista’ timponi multi amministrattivi meta u jekk jinkisru l-kundizzjonijet tal-liċenzji li tkun ħarġet hi stess lill-assoċjazzjonijiet.

B’hekk l-ARUC se jkollha l-għodda u anke s-snien biex verament tkun tista’ tiżgura l-ħarsien tal-qafas regolatorju b’saħħtu li għamlet dwar il-liċenzjar ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet kif ukoll il-kontrolli meħtieġa kontra kull abbuż.

“Waħda mill-akbar riformi li Gvern Laburista mexxa ‘l quddiem”

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg fissret l-introduzzjoni tal-Att dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis bħala waħda mill-akbar riformi li Gvern Laburista mexxa ‘l quddiem.

“Bis-saħħa ta’ din ir-riforma daħħalna numru ta’ prinċipji fil-liġi li mmarkaw bidla sinjifikanti fil-mod kif l-istat iħares lejn dan is-suġġett. Bidla fil-mentalità fejn il-liġi m’għadhiex tqis lil min juża l-kannabis bħala kriminal imma qed tagħti aktar importanza lir-regolarizzazzjoni tal-kannabis, għall-kultivazzjoni u konsum personali. Imxejna għal politika aktar umana.”

Buttigieg qalet ukoll li temmen li l-aktar għan kruċjali f’din ir-riforma hi li permezz tagħha se nkunu qed nipproteġu lil dak li jużaw il-kannabis mis-suq kriminali. “L-impenn tagħna bħala Gvern hu li noffru sors legali fejn persuni adulti jistgħu jużaw il-kannabis mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrikorru għal sorsi kriminali. B’hekk qed niġġieldu t-traffikar b’mod aktar effettiv,” tenniet is-Segretarju Parlamentari.

Sport