Sunday, May 5, 2024

Ivan Toney sospiż għal tmien xhur

Aqra wkoll

L-attakkant ta’ Brentford, Ivan Toney, ġie sospiż mill-football għal tmien xhur wara li ammetta li kiser ir-regoli tal-imħatri tal-Football Association.

Toney ġie mmultat ukoll £50,000 u ġie mwissi dwar l-imġieba tiegħu fil-futur għal 232 ksur tar-regoli tal-imħatri tal-FA.

Is-sospensjoni tiegħu tibda immedjatament, iżda l-player ta’ 27 sena jista’ jirritorna għat-taħriġ ma’ Brentford erba’ xhur qabel ma tintemm din is-sospensjoni, jiġifieri,  fis-17 ta’ Settembru.

Huwa jkun eliġibbli għal-logħob mis-17 ta’ Jannar, 2024.

Fi stqarrija, l-FA qalet: “Is-sanzjonijiet ta’ Toney ġew sussegwentement imposti minn Kummissjoni Regolatorja indipendenti wara smigħ personali.

“Ir-raġunijiet bil-miktub tal-Kummissjoni Regolatorja indipendenti għal dawn is-sanzjonijiet se jiġu ppubblikati fi żmien qasir, u l-FA se tistenna biex tirrevedihom qabel tikkummenta aktar.”

Il-ksur tar-regoli li Toney instab ħati seħħ bejn il-25 ta’ Frar 2017 u t-23 ta’ Jannar 2021, li matulu Toney irrappreżenta lil Scunthorpe United, Wigan Athletic, Peterborough United u Brentford.

Toney skorja 20 goal fi 33 dehra tal-Premier League dan l-istaġun għal Brentford.

Min-naħa tagħhom, Brentford sostnew li rrikonoxxew id-deċiżjoni tal-FA u qed jistennew il-pubblikazzjoni tar-raġunijiet bil-miktub qabel “jikkunsidraw il-passi li jmiss tagħna”.

Toney lagħab għall-ewwel darba għall-Ingilterra bħala sostitut tard fir-rebħa ta’ kwalifikazzjoni ta’ 2-0 għall-Euro 2024 kontra l-Ukrajna f’Marzu, wara li rċieva l-ewwel sejħa tiegħu mal-iskwadra ta’ Gareth Southgate f’Settembru li għadda.

Id-difensur tal-Ingilterra Kieran Trippier kien sospiż għal 10 ġimgħat mill-FA f’Diċembru 2020 talli ta informazzjoni lil ħaddieħor biex jagħmlu imħatri fuq it-trasferiment tiegħu minn Tottenham għal Atletico Madrid.

Fl-2017, Joey Barton – dak iż-żmien player ta’ Burnley – kien sospiż għal 18-il xahar, imnaqqas għal 13 fl-appell, wara li ammetta li għamel 1,260 imħatri relatati mal-football fuq perjodu ta’ 10 snin.

Sport