Saturday, December 21, 2024

Emendi fl-Iskema tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni se jemenda l-iskema tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti. Dinm l-iskema li kienet tnediet mill-gvern hi maħsuba għal studenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw fl-edukazzjoni ogħla. Dan il-manteniment jingħata lil dawk l-istudenti li jkollhom bżonn għajnuna finanzjarja, apparti l-istipendju li jagħti l-gvern.

Fost l-emendi li ħabbret ilbieraħ il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana hemm il-possibiltà li student ma jkollux għalfejn jagħmel means testing, li issa hija estiża wkoll għal dawk l-istudenti li jgħixu f’residential care; u li l-istudenti full-time li huma eliġibbli u li jkunu qed isegwu kors full-time, minflok japplikaw għall-maintenance grant kull sena, issa jistgħu japplikaw fl-ewwel sena tal-istudji tagħhom.

Il-Ministru Justyne Caruana enfasizzat li l-ministeru se jkomplu jgħin lill-istudenti fit-triq edukattiva tagħhom u sostniet li “Bħala gvern dejjem urejna li nagħtu prijorità lil dawk li jridu jkomplu bl-istudji tagħhom u għalhekk ħassejna li nagħmlu dawn l-emendi biex inkomplu ninċentivaw lill-istudenti tagħna”.

Bidla oħra li ħabbret il-Ministru Caruana hija li issa se jkunu wkoll eliġibbli għall-għotja ta’ manteniment, studenti tal-Baċellerat fix-Xjenza (Honours) fix-Xjenzi Mediċi (Intercalated Year) u studenti li wara li jsegwu dan il-kors ikomplu l-istudji tagħhom bħala studenti tat-tielet sena fil-kors ta’ Dottorat fil-Mediċina.

Il-Ministru Caruana qalet li l-għotjiet issa se jibdew jingħataw ukoll lil studenti li jirrepetu sena jew ikollhom sena ta’ estenzjoni. “Wara li l-gvern beda jagħti stipendju lil min jirrepeti sena, issa din l-għotja se tingħata wkoll lil dawn l-istudenti li jkollhom bżonn. Irridu nħeġġu lill-istudenti biex ma jaqtgħux qalbhom u huwa għalhekk li qed nagħmlu din il-bidla biex ninċentivawhom ħalli jkomplu l-istudji tagħhom”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.

Studenti barranin li jagħżlu lil pajjiżna biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom se jkollhom ukoll l-opportunità li japplikaw għal dawn l-għotjiet ta’ manteniment. “B’din l-inizzjattiva pajjiżna se jkun aktar attraenti biex aktar studenti barranin jagħżlu li Malta u mhux pajjiżi ohra”, żiedet tgħid il-Ministru Caruana.

Studenti li mhumiex ċittadini Maltin jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea, li japlikkaw għal għotjiet ta’ manteniment għandhom japplikaw għal eżenzjoni ta’ miżati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni wara li japplikaw għal programm jew kors ta’ studju fl-istituzzjoni li jagħżlu. Jekk l-applikazzjoni tiġi approvata, l-istudent ikun eliġibbli għal għotjiet ta’ manteniment.

Ekonomija

Sport