Tuesday, December 24, 2024

“Emendi li se joffru opportunitajiet kbar għal pajjiżna”

Il-Ministru Miriam Dalli

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-intervent tagħha waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żona Ekonomika Esklussiva u Liġijiet Varji, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli enfasizzat li minkejja kull sfida, dan il-Gvern baqa’ determinat li jkompli jaħdem sabiex iwassal il-viżjoni tiegħu.

Hija spjegat li 10 snin ilu, fl-2013 Malta, kellha kapaċità biex tiġġenera biss 10 megawatts ta’ elettriku minn sorsi rinovabbli. Sal-aħħar tas-sena li għaddiet Malta kellha 221 megawatt f’sistemi ta’ pannelli fotovoltajċi mqabbda man-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali.

“Dan ifisser li dan l-ammont qed jiġġenera elettriku daqs dak li tkun teħtieġ 80,730 residenza. Dan kollu ġej minn enerġija nadifa. Tfisser ukoll żieda ta’ 8.3% fuq is-sena ta’ qabel u żieda ta’ aktar minn 2,000% fuq 10 snin ilu,” spjegat il-Ministru Dalli.

Hija qalet li permezz ta’ dan l-ammont ta’ rinovabbli, fl-2022 tnaqqsu 134,700 tunnellata ta’ tniġġis ta’ dijossidu tal-karbonju mill-arja. Kompliet tgħid li sal-aħħar tal-2021 Malta kienet tipproduċi 12.15% tal-ħtiġijiet tal-enerġija minn sorsi rinovabbli, li jfisser li diġà nqabżet il-mira ta’ 11.3% li kellha tintlaħaq sal-2030 kif stabbilit fil-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima tal-Pajjiż.

“Ma jfissirx li kuntenti b’dawn il-figuri. It-triq hi twila u rridu niksbu ferm aktar. Irridu nkunu ambizzjużi biex nilħqu l-mira li jkollna ekonomija li ma tniġġiżx sas-sena 2050. Nemmen li pajjiżna jista’ jkompli jżid in-numru ta’ pannelli tax-xemx biex niġġeneraw aktar enerġija nadifa ma’ dik li diġà għandna. Għalhekk se nibqgħu naħdmu u għinu biex dan l-investiment ikompli jiżdied”.

“Se nkomplu ninċentivaw sistemi ta’ enerġiji rinovabbli oħra għad-djar tagħna għax ir-rispons li qed ikun hemm għall-iskemi uriena li l-poplu qed jifhem li kulħadd jista’ jkun involut biex nilħqu l-miri ta’ pajjiżna għal futur dikarbonizzat u sostenibbli,” tenniet il-Ministru Dalli.

Hija qalet li fix-xhur li ġejjin, wara l-pubblikazzjoni tal-offshore policy, se tkun qed toħroġ sejħa internazzjonali għall-proġetti ta’ enerġija nadifa fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ Malta. “Dan il-pass se jikkontrobwixxi għall-pilastri kollha tal-politika tal-enerġija tagħna: id-dikarbonizzazzjoni, is-security of supply, id-diversifikazzjoni tas-sorsi, l-affordabilità u fuq kollox li nżommu l-konsumatur fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu.

“Diġà ġiet ingaġġata kumpanija internazzjonali ta’ konsulenza li se tkun qed tagħti l-pariri tekniċi u kummerċjali biex tkun tista’ toħroġ is-sejħa kompetittiva għall-proġetti. Il-pjan hu li l-ewwel nippubblikaw il-qafas ta’ Politika Nazzjonali għal Proġetti għall-Ġenerazzjoni ta’ Enerġija Rinovabbli Offshore. Minkejja li diġà saru numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ entitajiet u xi NGO’s ikkonċernati, se ssir ukoll konsultazzjoni pubblika fuq din il-politika nazzjonali ġdida.”

Hija ħeġġet lil dawk kollha interessati sabiex jipparteċipaw f’dan il-proċess, sabiex ikomplu jissaħħu l-pjanijiet għal dawn l-investimenti li pajjiżna se jwettaq fis-snin li ġejjin. Qalet li dan hu proġett li se jservi għal numru ta’ leġiżlaturi u l-għaqal u l-maturità politika titlob li jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa kemm jista’ jkun, minn kulħadd. Wara l-proċess ta’ konsultazzjoni, se ssir analiżi tas-sottomissjonijiet biex naġġornaw il-politika skont ir-rispons tal-istakeholders.

Spjegat li mbagħad se tkun qed toħroġ sejħa internazzjonali għal-Espressjoni ta’ Interess u Kapaċità (EIOC). F’dak il-proċess, skont kriterji stabbiliti minn qabel, se jkunu shortlisted numru ta’ bidders li wara jkunu mistiedna jissottomettu proġett konkret f’sejħa oħra għal-proposti (RFP). Il-Kumpanija Interconnect Malta, li qed tieħu ħsieb il-proġett tat-tieni interconnector u l-proġett tal-batteriji għal-ħażna tal-enerġija, ġiet fdata mill-Gvern biex tfassal u tmexxi dan il-proċess kompetittiv tal-għażla.

“L-emendi li qed niddiskutu dwar iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi fl-ibħra madwar pajjiżna, ser jiftħu opportunitajiet kbar għal pajjiżna. Qegħdin inmexxu lill-pajjiżna għal-livell li jmiss fis-settur tal-enerġija, għax minkejja l-limitazzjonijiet tal-ispazju fiżiku, b’dawn l-emendi qed niftħu possibilitajiet li se jkunu kruċjali biex pajjiżna jilħaq l-ambizzjonijiet ambjentali tagħna: għal arja aktar nadifa, iżjed investiment f’setturi ekonomiċi sostenibbli, għall-ħolqien tax-xogħol fl-ekonomija l-blu u ħadra, għall-futur dikarbonizzat u għal kwalità ta’ ħajja aħjar,” temmet tgħid il-Ministru Miriam Dalli.

Ekonomija

Sport