Monday, May 13, 2024

Emily għadha qed tirkupra mill-operazzjoni u fadlilha triq twila

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għaddew diversi ġimgħat minn mindu ċ-ċkejkna Emily, li għandha sena u erba’ xhur, għamlet operazzjoni twila madwar 10 sigħat biex ineħħula tumur. L-omm kienet qalet li bħala operazzjoni kienet suċċess iktar milli ħasbu fejn irnexxielhom ineħħu 95% mit-tumur u l-kilwa salvawha. Minkejja dan, Emily għadha qed tirkupra mill-operazzjoni fejn għadha tinsab ġewwa l-Isptar fl-Ingilterra u z-zija tagħha qalet lil dan il-ġurnal li sfortunatament Emily għad fadlilha triq twila u għalhekk l-appell għat-talb għadu wieħed importanti.

Matul dawn l-aħħar jiem wieħed seta’ jara diversi posts fuq Facebook minn omm Emily, Vanessa Gatt, li qed titlob biex iċ-ċkejkna tagħha tirkupra ħalli tkun tista’ tħaddanha mill-ġdid magħha. Fuq Facebook, ommha kitbet, “Jekk jogħġbok Ġesù ilna nitolbu għal żmien twil issa. Emily ma tistax tkompli tbati. Agħtiha ħajjitha lura issa.”

Minn mindu ħarġet l-aħbar li ċ-ċkejkna Emily kienet se tagħmel operazzjoni biex jitneħħa t-tumur li għandha, bosta kienu dawk il-persuni li żammewha fit-talb tagħhom wara l-appelli li anke Puttinu Cares għamlu fuq il-midja soċjali tagħhom. Fil-fatt qed isiru velji ta’ talb biex wieħed jitlob għall-fejqan ta’ Emily fosthom fuq il-paġna ta’ Facebook bl-isem ta’ ‘Social Channel’.

Iz-zija ta’ Emily kienet iddeskrivitha bħala tifla ferriħija għax minkejja t-tbatija li għaddejja minnu dejjem bid-daħka fuq xuftejha.

Sport