Friday, November 15, 2024

Emirates u Etihad iħabbru espansjoni tal-ftehim bejn iż-żewġ linji tal-ajru, b’għażliet ta’ itinerarji aħjar li jagħtu spinta lit-turiżmu tal-UAE

Aqra wkoll

Dubai, UAE, 4 ta’ Mejju 2023 – Emirates u Etihad Airways iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim (MoU) biex jespandu l-ftehim interline tagħhom u jipprovdu lill-vjaġġaturi iktar għażla fl-itinerarju meta jżuru l-Emirati Għarab Magħquda (UAE). Dan l-ewwel ftehim tax-xorta tiegħu bejn iż-żewġ linji tal-ajru tal-UAE għandu l-għan li jikkapitalizza fuq opportunitajiet li permezz tagħhom tingħata spinta lit-turiżmu lejn l-UAE minn swieq ewlenin billi l-viżitaturi jkunu jistgħu jesperjenzaw aktar minn destinazzjoni waħda f’itinerarju wieħed.

Dan is-sajf, il-klijenti taż-żewġ linji tal-ajru rispettivi se jkunu jistgħu jixtru biljett wieħed biex itiru lejn Dubai jew Abu Dhabi, b’ritorn bla xkiel mill-ajruport l-ieħor. Il-ftehim il-ġdid jipprovdi wkoll lill-vjaġġaturi li qed jippjanaw biex jesploraw l-UAE bil-flessibbiltà ta’ biljetti one-stop għall-vjaġġ sħiħ tagħhom u check-in konvenjenti tal-bagalji.

Fl-istadji tal-bidu tal-interline estiża, kull linja tal-ajru se tiffoka fuq li tattira viżitaturi lejn l-UAE billi tiżviluppa traffiku interline minn punti magħżula fl-Ewropa u fiċ-Ċina. L-arranġament ‘open jaw’ se jippermetti lill-viżitaturi biex ikopru kemm jista’ jkun art meta jesploraw Abu Dhabi, Dubai jew kwalunkwe Emirat ieħor, u jiffrankaw il-ħin billi titneħħa l-ħtieġa li jtiru lura milll-ajruport tal-wasla tagħhom.

Il-klijenti li jivvjaġġaw lejn l-UAE għandhom ukoll l-għażla ta’ ‘multi-city flights’, bl-għażla li jivvjaġġaw minn belt waħda fuq in-netwerks taż-żewġ linji tal-ajru, u li jirritornaw b’mod konvenjenti lejn punt ieħor moqdi minn Emirates jew Etihad Airways.

L-MoU ġie ffirmat fl-Arabian Travel Market minn Adnan Kazim, l-Uffiċjal Kap Kummerċjali tal-Emirates, u Mohammad Al Bulooki, l-Uffiċjal Kap tal-Operat tal-Etihad Airways, fil-preżenza ta’ Sir Tim Clark, President tal-Emirates; Iċ-Chairman ta’ Etihad Airways, l-Eċċellenza Tiegħu Mohammed Ali Al Shorafa (TBC), u Antonoaldo Neves, il-Kap Eżekuttiv ta’ Etihad Airways, flimkien ma’ rappreżentanti oħra.

Sir Tim Clark, President tal-Emirates qal: “Aħna kuntenti li qed nerġgħu naħdmu ma’ Etihad Airways – din id-darba biex inħallu lil kull linja tal-ajru toffri firxa ġdida ta’ għażliet ta’ vjaġġar bla xkiel ġewwa u barra l-UAE. Bħala Emirates u Etihad qed nisfruttaw is-saħħiet tagħna biex nespandu l-offerti tal-klijenti rispettivi tagħna u nagħtu spinta lit-turiżmu tal-UAE. Aħna nemmnu li dan il-ftehim ġdid jipprovdi pedament sod biex jiġu żviluppati aktar opportunitajiet bejn iż-żewġ linji tal-ajru u huwa eżempju tal-impenn tagħna għall-viżjoni tal-UAE għal diversifikazzjoni ekonomika kontinwa.

Antonoaldo Neves, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, Etihad Airways, qal: “Ninsabu ferħanin li nissieħbu mal-Emirates fil-missjoni kondiviża tagħna li nappoġġaw it-turiżmu lejn l-UAE u niffaċilitaw l-ivvjaġġar lejn l-ibliet vibranti tagħna. B’żewġ linji tal-ajru ta’ klassi dinjija li jappoġġjaw it-turiżmu tal-UAE, il-ftehim bejn il-linji tagħna se jagħmilha aktar konvenjenti għall-mistednin tagħna biex jesperjenzaw l-aħjar ta’ Abu Dhabi u Dubaj fuq biljett wieħed filwaqt li jwiegħed li jagħti esperjenza ta’ titjir eċċezzjonali kemm jekk itiru mal-Etihad Airways jew bl-Emirates. Hija proposta win-win għall-vjaġġaturi lejn l-UAE.”

Is-sħubija estiża tibbaża fuq l-impenn taż-żewġ linji tal-ajru biex jappoġġaw l-objettiv tal-gvern tal-UAE li jippromwovi t-turiżmu fl-UAE u jtejjeb il-pożizzjoni tal-UAE bħala destinazzjoni globali preferuta. It-turiżmu huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Ekonomija tal-UAE u huwa mistenni li jikkontribwixxi għal 5.4% tal-PGD totali tan-nazzjon, jew AED 116.1 biljun (USD 31.6 biljun), u li jappoġġa aktar minn miljun impjieg sal-2027 – skont ċifri tal- Emirates Tourism Council.

Din hija t-tieni darba li l-linji tal-ajru ħabbru kollaborazzjoni bejniethom. Fl-2018, l-Emirates Group Security u l-Etihad Aviation Group (EAG) iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim (MoU) biex isaħħu s-sigurtà tal-avjazzjoni, inkluż il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u intelligence f’żoni operattivi kemm ġewwa kif ukoll barra l-UAE.

Is-sena l-oħra, l-Emirates iffirmat MoU mad-Dipartiment tal-Kultura u t-Turiżmu ta’ Abu Dhabi, biex jagħtu spinta lin-numru tat-turisti li jivvjaġġaw lejn il-kapital tal-UAE minn swieq ewlenin fin-netwerk globali tal-linja tal-ajru.

Il-biljetti jistgħu jiġu bbukkjati fuq www.emirates.com, www.etihad.com, mal-Aġenziji Online tal-Ivvjaġġar, kif ukoll mal-aġenti tal-ivvjaġġar.

Ekonomija

Sport