Sunday, May 19, 2024

Zelensky jgħid li r-Russja wettqet iktar minn 6,000 krimini ta’ gwerra f’April li għadda

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky talab lir-Russja twieġeb dwar l-eluf ta’ krimini ta’ gwerra li wettqet fl-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

Fid-diskors tiegħu waqt li kien qed iżur il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) fl-Olanda huwa qal li f’April biss ir-Russja kienet responsabbli minn 6,139 krimini tal-gwerra li wasslu għall-mewt ta’ 207 persuni  ċivili Ukreni, inkluż 11-il tifel u tifla. Din iż-żjara f’Hague saret ilbieraħ, jum biss wara li Zelensky ċaħad l-allegazzjonijiet tar-Russja illi l-forzi Ukreni huma responsabbli għal dak li l-Kremlin sejħitlu “attentat ta’ assassinju” fuq ħajjet Putin permezz ta’ attakki bi drone.

Zelensky żied jgħid li jmissu jitwaqqaf tribunal inkarigat mill-krimini tal-gwerra fejn Putin jintalab jispjega dwar l-atroċitajiet li twettqu mill-Kremlin.

Il-President Ukren ħa l-okkażjoni wkoll biex ifakkar il-memorja tal-vittmi li tilfu ħajjithom fl-2014 meta grupp ta’ Russi attakkaw ajruplan b’madwar 300 persuna abbord  it-titjira MH17 fejn fosthom mietu 196 Olandiż/a. Ġiet dedikata wkoll minuta ta’ silenzju għall-vittmi ta’ dan it-terrur.

Il-Prosekutur Karim Khan għamel numru ta’ żjarat fl-Ukrajna u sabiex iħaffef iżjed l-investigazzjonijiet tiegħu ddeċieda li jibda jopera minn uffiċċju fi Kyiv.

Sport