Saturday, December 21, 2024

Emma Raducanu – il-personalitá sportiva tas-sena

Aqra wkoll

Iċ-champion tal-US Open, Emma Ra­ducanu, inkurunat is-sena stra­ordinarja 2021 tagħha meta ġiet magħżula l-Personalitá Sportiva tas-Sena fil-konkors tal-BBC.

Iż-żagħżugħa ta’ 19-il sena temmet storja tal-ħolm fi New York f’Settembru li għadda hekk kif saret l-ewwel player li kkwalifikat li qatt rebħet tournament tat-tennis tal-Grand Slam.

Hija saret ukoll l-ewwel player femminili Ingliża minn Virginia Wade fl-1977 li rebħet Grand Slam, u sostniet it-titlu mingħajr ma waqqgħet set.

Il-kisbiet tagħha għamluha waħ­­da mill-akbar stilel tal-isport Britanniku, u sostniet il-premju prestiġjuż tal-BBC qabel ir-rebbieħa tal-midalja tad-deheb Olim­pika, Tom Daley u Adam Peaty.

Raducanu qalet lill-BBC: “Huwa tassew unur li tkun fost dawn in-nominati –  li tirbaħ hija pjuttost xi ħaġa tal-għaġeb.

“Rajt il-Personaltá tal-Isport tas-Sena tikber, u għalhekk ninsab tassew umli li ningħaqad mar-rebbieħa meraviljużi tal-passat – nin­sab tassew kuntenta wkoll għat- tennis Britanniku li rnexxielna niksbu dan il-premju mill-ġdid.

“L-appoġġ kollu li rċevejt din is-sena li għaddiet kien assolutament tal-ġenn, u l-enerġija li ħas­sejt f’Wimbledon din is-sena nilgħab quddiem il-folla lokali tiegħi hija xi ħaġa li qatt ma ħassejt qabel.”

Raducanu rċieviet akklamazzjoni rapida mid-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge, li fuq Twitter kitbu: “Prosit @EmmaRaducanu għal sena tassew inkredibbli.”

Tyson Fury, Raheem Sterling u Dame Sarah Storey kienu t-tliet individwi l-oħra magħżula għall- premju, b’Sir Lewis Hamilton, li tant resaq qrib li jirbaħ it-tmien titlu rekord tal-Formula Wieħed aktar kmieni dan ix-xahar, tħalla barra.

Gareth Southgate rebaħ il-premju tal-Coach tas-Sena wara li wassal lit-team nazzjonali tal-football tal-Ingilterra għall-ewwel finali maġġura tiegħu f’55 sena fil-Euro 2020 fis-sajf li għadda.

Huma ġew megħluba bil-pe­nalties mill-Italja fil-finali f’Wem­bley Stadium, iżda l-kisba tagħhom ġiet rikonoxxuta bl-unur tat-Team tas-Sena.

Southgate rringrazzja lit-team tal-persunel ta’ madwaru u qal lil BBC Sport: “L-immaniġġjar fil- football issa huwa negozju kum­pless ħafna.

“Jien ixxurtjat li naħdem ma’ nies tajbin li jagħmluha aktar faċli għalija.”

Ekonomija

Sport