Wednesday, December 25, 2024

Emmen fik innifsek u fil-ħolm tiegħek – Weder Soares Da Silva

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-futbol?

Iwritt l-imħabba tiegħi għall-futbol mingħand missieri. Minn mindu kont żgħir, il-logħba favorita tiegħi fl-iskola jew fit-triq kienet il-futbol! Ninsab grat lejn Alla talli ppermettili nwettaq il-ħolma tiegħi li nsir plejer tal-futbol professjonali.

X’inhuma l-miri personali tiegħek u ta’ Marsaxlokk FC għal dan l-istaġun?

L-għan tiegħi bħala atleta dan l-istaġun huwa li ngħin lit-tim tiegħi jilħaq l-għanijiet tagħhom. It-tim għandu l-għan li jirbaħ post fl-Ewropa.

X’tikkummenta dwar il-kowċ, Winston Muscat?

U fuq il-kumitat ta’ Marsaxlokk immexxi mill-president Frank Cachia?

Il-kowċ Winston Muscat u jien konna diġà ħdimna flimkien l-istaġun li għadda ma’ Sirens FC. Huwa kowċ tajjeb, metikoluż u dejjem jipprova jimmotivana biex naħdmu ħafna ħalli nkunu aħjar u nemmnu dejjem fil-kapaċitajiet tagħna. Il-president Frank Cachia u t-team manager Peter Agius dejjem jaħdmu biex jagħtuna l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol u huma nies serji u professjonali.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u ta’ isfel fil-Kampjonat BOV Premier?

Naħseb li hemm differenza teknika żgħira, iżda t-timijiet kollha għandhom spirtu kumbattiv fil-logħob u kulħadd irid jirbaħ. Dan jagħmel il-logħob kollu diffiċli irrispettivament mill-avversarju.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu jilagħbu f’Malta mhux dejjem qed ikunu ta’ livell meta kkomparati mal-plejers Maltin?

Barranin tajbin żgur li jgħollu l-livell tal-klabbs Maltin, m’hemmx dubju dwar dan. Madankollu, hemm ukoll atleti u klabbs tajbin Maltin li jridu japprezzaw lill-plejers lokali.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn jintlagħbu l-logħob tal-Kampjonat BOV Premier?

It-tliet grawnds ewlenin fejn jintlagħab il-Kampjonat BOV Premier huma tajbin u għandhom ħaxix tajjeb. Naħseb li madankollu fil-futur l-MFAtista’ tipprova tibni aktar grawnds.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fil-kampjonat matul l-istaġun sa issa?

Referis tajbin. Jippruvaw iżommu kontroll tajjeb tal-logħbiet.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Li nkompli ngħolli l-livell tiegħi,. Inħobb ingawdi l-mument u dejjem nagħmel l-almu tiegħi kollu. Għadni rrid nilgħab għal ħafna snin u nkompli l-karriera tiegħi.

Nixtieq li tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u/jew iż-żgħażagħ

li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ li jkollhom karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Emmen fik innifsek u fil-ħolm tiegħek! Segwi eżempji tajbin, aħdem ħafna u imxi ’l quddiem!

Ekonomija

Sport