Enemalta nediet l-ewwel fażi tal-proċess tal-għażla għall-manifattura u l-installazzjoni ta’ żewġ cables ġodda tal-elettriku ta’ 33kV taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex.
Dan l-investiment għandu l-għan li jlaħħaq mad-domanda dejjem tikber għall-elettriku f’Għawdex u jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-gżira fis-snin li ġejjin. Il-proġett jagħmel parti mill-programm usa’ u fit-tul ta’ Enemalta biex iżżid il-kapaċità u ssaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku, inkluż f’Għawdex.
B’rabta mat-tnedija ta’ dan il-proċess, il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Dr Miriam Dalli, qalet: “Dan il-proġett jirrappreżenta pass ieħor importanti fl-implimentazzjoni tal-Energy Shift ta’ Malta u fl-investiment kontinwu tagħna f’infrastruttura tal-enerġija aktar b’saħħitha u reżiljenti. L-isfidi li esperjenzajna f’Għawdex fl-aħħar xhur komplew juru l-importanza ta’ dawn l-investimenti, iżda dan il-proġett mhuwiex miżura waħedha. Huwa parti minn programm usa’ ta’ tisħiħ tan-network li diġà ġie identifikat fl-Energy Shift u fil-pjan ta’ żvilupp ta’ disa’ snin ta’ Enemalta, bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u s-sistema tal-elettriku tkun imħejjija għat-tkabbir fil-futur. Billi nsaħħu l-konnessjoni tal-elettriku bejn Malta u Għawdex, qed niżguraw li ż-żewġ gżejjer ikunu mħejjija aħjar għad-domanda futura għall-enerġija, filwaqt li nkomplu nappoġġjaw it-tranżizzjoni ta’ Għawdex lejn sistema tal-enerġija aktar sostenibbli, sigura u affidabbli.”
Il-proġett se jinkludi żewġ cables taħt il-baħar, kull wieħed twil madwar tmien kilometri, bejn Malta u Ghawdex.
Il-kuntrattur magħżul se jkun responsabbli mid-disinn, il-manifattura, l-installazzjoni, l-ittestjar u l-ikkummisjonar ta’ dawn il-cables.
Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta, Ing. Ryan Fava, qal: “Id-domanda għall-elettriku f’Għawdex qed tkompli tikber, u Enemalta qed tippjana u tinvesti mil-lum biex tiżgura li l-gżira jkollha l-infrastruttura li teħtieġ għas-snin li ġejjin. Dan il-proġett, flimkien mal-link ppjanata ta’ 132kV u ż-żewġ ċentri ġodda tad-distribuzzjoni f’Għawdex, juru impenn ċar u fit-tul biex nipprovdu aktar kapaċità u network tal-elettriku aktar b’saħħtu u flessibbli. Dawn huma investimenti li jappoġġjaw l-iżvilupp kontinwu ta’ Għawdex, aktar elettrifikazzjoni u l-integrazzjoni ta’ aktar enerġija rinnovabbli.”
L-akkwist tal-cables taħt il-baħar qed jinħareġ permezz ta’ proċedura ristretta, fejn l-operaturi ekonomiċi interessati l-ewwel iridu jgħaddu minn proċess ta’ prekwalifikazzjoni qabel ma jgħaddu għall-fażi tat-tender.
Il-cables ġodda ta’ 33kV taħt il-baħar jagħmlu parti minn programm usa’ ta’ investiment fl-infrastruttura tal-elettriku f’Għawdex. Enemalta qed tavvanza wkoll il-preparamenti għal konnessjoni ġdida tal-elettriku ta’ 132kV bejn Malta u Għawdex, bħala parti mill-pjan ta’ investiment ta’ disa’ snin. Din il-konnessjoni se tipprovdi kapaċità sostanzjalment akbar bejn iż-żewġ gżejjer u tkompli ssaħħaħ in-network tal-elettriku f’Għawdex.
Il-pjan jinkludi wkoll żewġ ċentri ġodda tad-distribuzzjoni f’Għawdex, wieħed f’Għajnsielem u ieħor li se jservi ż-żona tar-Rabat/Kerċem. Flimkien, dawn il-proġetti se jipprovdu aktar kapaċità, jappoġġjaw l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jħejju n-network tal-elettriku f’Għawdex għad-domanda futura.
Permezz ta’ dawn l-investimenti, Enemalta qed timplimenta pjan ċar, strutturat u fit-tul għall-ħtiġijiet tal-elettriku f’Għawdex. Il-cables ġodda taħt il-baħar, il-konnessjoni ppjanata ta’ 132kV u ż-żewġ ċentri ġodda tad-distribuzzjoni jirriflettu l-iskala tal-impenn tal-kumpanija biex tkompli ssaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku tal-gżira għas-snin li ġejjin.
