Matul l-aħħar erbat ijiem kawża tal-maltemp, Enemalta irċeviet aktar minn 700 rapport ta’ ħsarat varji, li jinkludu qtugħ tal-provvista tal-elettriku, ħsarat f’arbli u qtugħ ta’ wires fost oħrajn.
Malli l-pajjiż kellu tbassir ta’ maltemp, l-Enemalta ħejjiet ruħha billi allokat timijiet addizzjonali ta’ ħaddiema biex ikunu lesti jgħinu klijenti li jitolbu l-għajnuna.
Flimkien mat-timijiet t’għajnuna li jkunu xogħol 24 siegħa kuljum, żdiedu madwar 50% iżjed ħaddiema għal dawn l-aħħar jiem.
Fejn il-kundizzjonijiet tat-temp u r-riħ qawwi kienu jippermettu, il-ħsarat irrapurtati waqt il-maltemp tranġaw fis-sigħat ta’ wara, qabel ma t-temp bnazza.
Madankollu, kien hemm sitwazzjonijiet, speċjalment tiswijiet ta’ linji fl-gholi, fejn ma kienx possibbli li l-ħaddiema jagħmlu x-xogħlijiet meħtieġa mingħajr il-periklu kkawżat mir-riħ.
Fortunatament, it-temp bnazzi tas-Sibt qed jagħti nifs lill-inġiniera u t-tekniċi ta’ Enemalta u ippermetta li jaħdmu fuq dawn it-tiswijiet li ma setgħux isiru qabel fil-maltemp.