Tuesday, December 24, 2024

Enfasizzat l-impenn ta’ Malta li tkun solidali mal-poplu Ukren

Aqra wkoll


Il-Ministru Owen Bonnici f’laqgħa mal-Aġent Ministru tal-Kultura Ukren Rostyslav Karandieiev fl-Ukrajn Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ltaqa’ mal-Aġent Ministru tal-Kultura u l-Politika tal-Informazzjoni tal-Ukrajna Rostyslav Karandieiev fi Kyiv l-Ukrajna.

Il-laqgħa, iffukata fuq s-solidarjetà u appoġġ, enfasizzat l-impenn ta’ Malta li tkun ta’ spalla mal-Ukrajna quddiem l-aggressjoni militari li għaddejja minnha.
Il-Ministru Bonnici esprima gratitudni għall-merħba sabiħa u enfasizza d-dedikazzjoni bla waqfien ta’ Malta biex tkun ta’ appoġġ lill-Ukrajna f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida.

Il-Ministru Bonnici enfasizza l-kontribuzzjonijiet ta’ Malta, li jvarjaw minn għajnuna umanitarja sa servizzi mediċi għas-suldati Ukreni, u afferma l-impenn tan-nazzjon li jkompli jkun solidali u ta’ sostenn lejn dan il-poplu.

Huwa qal li din is-solidarjetà tista’ tiġi espressa wkoll bis-saħħa tal-arti u l-kultura u ż-żewġ Ministri ddiskutu metodi ta’ kif tista’ ssir ħidma ffokata dwar il-ħarsien tas-settur kulturali f’dan il-pajjiż, mhux biss f’termini ta’ protezzjoni ta’ assi kulturali Ukreni iżda wkoll b’espressjoni ta’ sensittivita’ għal dak li għaddejjin minnhom l-artisti u kreattivi Ukreni nfushom.

II-Ministru Bonnici assigura lill-Ukrajna l-appoġġ kontinwu ta’ Malta permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi. Id-diskussjoni messet ukoll l-impatti globali avversi tal-aggressjoni tar-Russja, partikolarment fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel.
Huwa rrefera wkoll għat-tielet laqgħa tal-Konsulenti tas-Sigurtà Nazzjonali li saret f’Malta, fejn ipparteċipaw 66 delegazzjoni.

Il-laqgħa affermat mill-ġdid l-appoġġ għall-Pjan ta’ Paċi tal-President Volodymyr Zelensky u rat il-ħolqien ta’ koalizzjoni internazzjonali biex tiffaċilità r-ritorn tat-tfal Ukreni. Huwa fakkar kif l-istqarrija tal-presidenti konġunti, adottata minn Malta u l-Ukrajna, enfasizzat l-impenn għall-paċi bbażat fuq il-prinċipji tal-UN Charter, ir-rispett għas-sovranità tal-Ukrajna, u l-integrità territorjali.

Il-Ministru Bonnici esprima l-konvinzjoni soda ta’ Malta li l-Ukrajna tagħmel parti mill-familja Ewropea u l-kultura Ukrajna hija l-kultura ta’ l-Ewropa. Saħaq li Malta tinsab lesta li tkompli tappoġġja lill-Ukrajna fil-vjaġġ tagħha lejn t-tkabbir tal-futur tal-Unjoni Ewropea.

Matul iż-żjara tiegħu f’Kyiv, il-Ministru Bonnici kellu wkoll laqgħa mas-Sindku ta’ Kyiv Vitaliy Klychko u uffiċjali oħra tal-Gvern Ukren.

Ekonomija

Sport