Sunday, December 29, 2024

Enya Magri tniedi l-Ewwel Kanzunetta bil-Malti

Aqra wkoll

Sikktu L-Għanja f’Qalbi, in-noti ntfew fix-xejn. Din hija l-karba tal-kantanta żagħżugħa Enya Magri li għall-ewwel darba fil-karriera mużikali tagħha qiegħda tniedi silta oriġinali bil-Malti. Il-lirika profonda ta’ Emil Calleja Bayliss hija megħjuna mill-kompożizzjoni drammatika ta’ Mark Scicluna u magħġuna flimkien fi produzzjoni ta’ Cyprian Cassar, li issa ilu jaħdem m’Enya għal diversi snin.

Permezz tas-silta, Enya tindirizza lil dawk kollha li jinsabu mweġġgħa, mwarrba’, minsija mis-soċjeta’, iżda bit-tama, tama li toffri wens. In-nies li ma jixtiqux jaqtgħu qalbhom, tant li jimxu kontra l-kurrent.

YouTube video

Jakkumpanja r-rilaxx tal-kanzunetta huwa vidjo mużikali b’direzzjoni ta’ Kurt Cauchi, u bil-parteċipazzjoni taċ-ċkejkna Chaelle Grech. Miġbud fl-akwati magħrufa bħala s-Salib tal-Għolja ġewwa s-Siġġiewi, l-għan ta’ dan ix-xenarju hu li joħloq element ta’ ħelsien individwali. Fuq il-midja soċjali, Enya stqarret li ‘din il-kanzunetta hija differenti ħafna minn dawk li segwew qabilha, u għalkemm ma ktibtix jien, xorta kelli involviment kbir fiha, tant li jiena u Emil tkellimna diversi drabi biex naraw li l-messaġġ tassew jasal hemm barra.’

F’dawn l-aħħar 12-il xahar, Enya Magri nediet xejn anqas minn tliet siltiet bl-Ingliż: Feelin’, li għamlitha mal-Aqwa Kanzunetta tas-sena 2021; Shame, li wasslet liż-żagħżugħa sal-finali tal-Malta Eurovision Song Contest u Love Me Like, li ġiet debuttata waqt l-Isle of MTV mtella’ wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija. “Kont ilni ntella’ u nniżżel jekk għandix nippubblika kanzunetta kemmxejn differenti minn tas-soltu, u onestament minħabba li hija bil-Malti, ħassejt li għandha tirrifletti dak li jiena nħoss. Sikku L-Għanja f’Qalbi ħdimt fuqha ftit tax-xhur ilu, iżda bqajt ntertaq jekk għandhiex nippubblika jew le. Issa ħassejt li huwa l-waqt”, tisħaq Enya Magri.

Sikktu L-Għanja F’Qalbi mhux ħa tkun l-aħħar rilaxx t’Enya Magri bil-Malti għal din is-sena hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu kienet mħabbra bħala waħda mill-parteċipanti fit-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija. Is-silta li ħa tinterpreta, Verdett, għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, mużika u produzzjoni ta’ Cyprian Cassar hija kollaborazzjoni mal-mużiċist Adrian ‘ir-Russu’ Brincat.

Mil-lum 6 ta’ Jannar, Sikktu L-Għanja F’Qalbi hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon and iTunes grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni internazzjonali; CAP-Sounds

Ekonomija

Sport