Saturday, November 23, 2024

Enzo Gusman juri sinjali ta’ titjib f’saħħtu

Aqra wkoll

Kuntrarjament għax-xnigħa li xegħlet il-media soċjali, il-kundizzjoni ta’ Enzo Gusman tidher li qiegħda titjieb, anke jekk bil-mod il-mod.

Kienet martu Carmen li kkonfermat magħna li hu jinsab f’kundizzjoni stabbli u li l-irkupru tiegħu se jkun wieħed bil-mod minħabba l-gravità tal-ġrieħi tiegħu.

Il-kantant u preżentatur magħruf jinsab rikoverat fi sptar fil-Kanada, fejn jgħix, wara li ddaħħal f’qagħda serja minħabba waqgħa.

L-aħbar li qed juri sinjali ta’ titjib ħarġet l-għada li l-midja soċjali xegħlet hekk kif fuq il-Facebook ġriet l-aħbar li hu kien miet.

Kien kumment fuq Facebook, “Ħalliena Enzo”, li ħoloq il-pandemonju hekk kif diversi mezzi tax-xandir ħaduha bħala fatta li miet il-kantant.

Dan wassal biex bosta kantanti bdew isellmu l-memorja tiegħu u ħasdu lill-qraba u ħbieb li raw din l-“aħbar”.

Carmen Gusman, mart Enzo, ċaħdet li żewġha kien miet u ddeskriviet bħala stupidu lil min ivvinta l-istorja.

“Missu jistħi! Uri naqra rispett jekk taf x’jiġifieri din il-kelma”, żiedet tgħid qalb il-qbil ta’ dawk li raw il-kumment tagħhom fuq l-istess sit soċjali.

Il-persuna li tellgħet il-frażi “Ħalliena Enzo” spiċċat ikkundannata minn bosta, iżda fir-reazjoni tagħha insistiet li hi mkien ma irreferiet għall-kantant.

Ir-raġel li tella dan il-kumment kompla jiġġustifika lilu nnifsu billi saħaq li ‘fake news’ ġiet imxerrda minn dawk li assumew li kien qed jirreferi għal Gusman.

Huwa saħaq li dawn kien messhom jivverifikaw mal-familja tiegħu u insista li bħala prinċipju hu qatt ma jneħħi dak li jkun tella’ fuq Facebook.

Din l-ispjegazzjoni tiegħu aktar kebbset ir-rabja f’ċerti nies li komplew jikkritikawh fuq il-profil tiegħu b’min saħansitra jgħid li kellu jitressaq il-Qorti talli xerred tagħrif falz.

Din l-istess persuna kienet ukoll mitluba biex għall-inqas tiċċara min kienet il-persuna li kien qed jirreferi għaliha, iżda hu qal li kellu ħbieb oħra li wkoll għandhom dak l-isem. 

Sport