Monday, November 11, 2024

“Episodju bħalma seħħ ħames snin ilu determinati li ma nerġgħux naraw bħalu” 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ħames snin ilu, pajjiżna għadda minn episodju ikrah fl-istorja tiegħu, il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Niżbaljaw jekk għal xi mument naħsbu li nistgħu ninsew jew inħassru dan l-episodju mill-istorja ta’ pajjiżna. Huwa episodju li ma jissimbolizza xejn dak li bħala pajjiż nemmnu fih u l-valuri ta’ dan il-poplu. Imma żgur huwa episodju li dan il-pajjiż irid jibqa’ jitgħallem minnu. 

Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn fost affarijiet oħra tkellem dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u kif qegħdin isiru riformi bla preċedent f’pajjiża bil-għan li jintbagħat sinjal ċar li episodji bħal dawn ma nerġgħux naraw bħalhom.

Dr Abela beda biex qal li mhemmx dubju li l-akbar vittmi ta’ dan l-omiċidju kienet il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li kull meta f’diversi okkażjonijiet tkellem magħhom, anke wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, seta’ jara l-weġgħa ta’ familja li tilfet omm. 

“Iżda l-pajjiż kellu jibgħat sinjal b’saħħtu li dak li ġara mhuwiex aċċettabbli. Is-sentenza tal-Qorti Kriminali tal-Ġimgħa hi pass ieħor lejn ġustizzja sħiħa. Sal-lum hemm 3 persuni li huma kkundannati għal dan ir-reat u qed jiskontaw piena karċerarja filwaqt li tliet persuni oħra jistennew li jibda l-ġuri tagħhom. Hemm il-ġustizzja li qed tieħu l-perkors tagħha,” qal il-Prim Ministru. 

Huwa kompla jfakkar kif f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, dan il-Gvern telaq minn proċess b’saħħtu ta’ riformi mwieled mill-konvizjoni. Qal li saru riformi bla preċedent li mmodernizzaw id-demokrazija tagħa, riformi li fi kliemu għadhom ma spiċċawx għax il-bidla ma tieqaf qatt. 

Semma r-riforma li tnieda dwar is-settur ġurnalistiku u emenda oħra li se tiġi diskussa b’urġenza t-Tnejn fil-Parlament li taħseb li “jekk hemm xi ħadd li mingħalih se jipprova jaħrab mill-kors tal-ġustizzja, b’manuvra jew oħra, qiegħed jgħarralu.” Qal li bħala Gvern u anke bħala Parlament bgħatna messaġġ b’saħħtu li verament nemmnu f’pajjiż li huwa bbażat fuq is-saltna tad-dritt.

Għalhekk li nibqa’ nemmen li dawn it-tip ta’ riformi li qed nemmnu li huwa l-akbar sinjal li qatt nistgħu nagħmlu bħala Gvern, li episodju bħalma seħħ ħames snin ilu determinati li ma nerġgħux naraw bħalu. Għax dak li seħħ la huwa aċċettabbli f’pajjiżna, la huwa aċċettabbli f’ebda pajjiż Ewropew, mhu aċċettabbli mkien,” saħaq il-Prim Ministru.

Sport