Tuesday, May 14, 2024

EquestriMalta Grand Final – Żewġ tiġrijiet bi stedina biex jintemm l-istaġun

Aqra wkoll

Dettalji ta’ programm speċjali ta’ tiġrijiet li se jsir nhar l-Istrina ingħataw waqt konferenza stampa li saret fil-Malta Equidrome t-Tnejn waranofsinhar.

Iċ-Chairman ta’ EquestriMalta John Huber tenna kif EquestriMalta qed taqdi rwol importanti mhux biss bħala regolatur iżda qed toffri rwol interessanti ieħor billi toħloq jew issaħħaħ avvenimenti ta’ ċertu livell. Is-Sur Huber qal li kien jinsab ċert li dawn iż-żewġ tiġrijiet kienu se jservu ta’ inċentiv biex isebbħu l-programm varjat li se jkun qed jagħlaq l-istaġun tat-tiġrijiet.

Il-qofol ta’ dan il-programm se jkunu ż-żewġ Grand Finals sponsorjati minn EquestriMalta li fihom se jkunu qed jipparteċipaw l-aktar żwiemel konsistenti tas-sena 2023. Il-klassijiet Premier u Gold se jkunu qed jiġru flimkien filwaqt li dawk tas-Silver, Bronze u Copper jiġru fit-tiġrija l-oħra. Dawn iż-żewġ tiġrijiet se jkollhom tluq biż-żigarella fejn tal-Premier se jkunu qed jitilqu bi żvantaġġ ta’ 20m minn dawk tal-Gold waqt li dawk tal-Copper jitilqu 40m quddiem tas-Silver u 20m fuq tal-Bronze.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta s-Sur Max Zammit stqarr kif għal darb’oħra hemm isem EquestriMalta wara premju ieħor sabiħ għal żewġ finali differenti li mistennija joffru spettaklu. Filfatt huwa ħabbar li kważi €10,000 se jkunu mqassma fi premjijiet f’dawn iż-żewġ Grand Finals. Huwa elenka li mhux biss se nkunu qed nassistu għall-kompetizzjoni kbira iżda ser tkun qed terġa tiddaħħal it-tiġrija bil-vantaġġ wara ħafna snin.

Bħala Viċi Chairman tal-Malta Racing Club, is-Sur Anthony Demanuele appella għas-sewwieqa li se jipparteċipaw f’dawn iż-żewġ grand finals sabiex ikunu ddixxiplinati waqt it-tluq u jsegwu l-istruzzjonijiet li se jkun qed itihom l-istarter. It-tluq biż-żigarella żgur li se jkun qed joffri sfida għax kulħadd huwa mdorri bit-tluq aktar faċli tal-karozza.

L-Avukat Matthew Brincat, Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome qal li meta nibtet l-idea ta’ dan il-programm speċjali nhar l-għada tal-Milied mill-ewwel kien jaf li se tkun deċiżjoni popolari mas-sidien li dejjem ikunu qed jistennew iċ-ċans li f’dawn iż-żminijiet tas-sena jsuqu ż-żwiemel tagħhom. Il-varjetà ta’ tiġrijiet fil-programm żgur li se jkunu ta’ attrazzjoni għall-kulħadd.

Qabel ma ġew abbinati n-numri maż-żwiemel, ġiet determinata d-distanza permezz ta’ polza u għalhekk id-distanza ta’ dawn iż-żewġ grand finals se tkun ta’ 2160m. L-aħħar darba li saru grand finals simili bl-istess format kien waqt l-ewwel meeting tas-sena 2017.

Il-programm se jkun jikkonsisti wkoll minn 3 tiġrijiet għall-ponijiet shetland bit-trott, 3 tiġrijiet għall-ponijiet bil-lbit, tiġrija għas-sewwieqa nisa, oħra għas-sewwieqa żgħażagħ u 8 tiġrijiet li fihom se jsuqu biss is-sidien.

L-organizzaturi jħeġġu lil kulħadd biex waqt dan il-programm ikunu ġenerużi b’għotjiet għall-Istrina li se tkun qed issir matul l-istess ħin.

Sport