Friday, November 22, 2024

Erba’ awturi jirbħu l-Premju Nazzareno Vassallo 2021

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella ppresjeda t-tmintax-il edizzjoni taċ-ċerimonja tal-Premju Nazzareno Vassallo.

Sa mit-twaqqif tiegħu lura fl-1998, dan il-premju rrikonoxxa l-ħidma ta’ individwi jew għaqdiet b’risq l-anzjani.

F’diskors waqt din iċ-ċerimonja, il-President Vella stqarr li okkażjoni bħal din tikkonvinċih biex ikompli jaħdem fuq l-għaqda nazzjonali, hekk kif għandna diġa eżempji ċari ta’ kemm, bħala poplu Malti u Għawdxi, għandna ħafna x’nagħtu lil ħaddieħor u li għandna ħafna li diġa jgħaqqadna, bħalma rajna matul il-pandemija.

Il-President tenna, “L-importanza li bħala soċjetà nħarsu lejn l-anzjani tagħna b’rispett kbir li jixirqilhom, u fost affarijiet oħra ngħożżuhom bħala minjiera ta’ informazzjoni u talent”.

Huwa qal li m’għandna qatt nieqfu nkunu grati għal kontribut tal-anzjani, filwaqt li niżguraw li s-servizzi preżenti, kemm dawk tas-saħħa primarja kif ukoll dawk li jippromwovu l-anzjanità attiva u parteċipazzjoni aktar sħiħa fil-ħajja soċjali, ikunu aċċessibbli għal kull anzjan.

Il-President temm billi esprima l-apprezzament tiegħu għall-impenn ta’ kull ħaddiem fil-qasam tal-kura u s-saħħa tal-anzjani u ħeġġeġ biex l-anzjani jkunu parteċipi attivi u sors ta’ ispirazzjoni għaż-żgħażagħ.

Il-Premju Nazzareno Vassallo ntrebaħ minn erba’ awturi, li huma Charles Casha, Joseph Debono, Rita Saliba u Trevor Zahra. Dawn intgħażlu minn fost tlettax-il nominat/a. Matul il-pandemija tal-Covid-19, dawn l-awturi, bis-saħħa tal-letteratura Maltija u ta’ sessjonijiet ta’ qari virtwali, żammew kumpanija lil bosta anzjani fid-djar residenzjali.

Sport