L-istennija għall-finali tat-tielet edizzjoni tal-X Factor Malta riesqa lejn tmiemha. Dan hekk kif l-erba’ finalisti jinsabu għaddejjin bl-aħħar preparamenti biex illejla juru l-ħiliet artistiċi tagħhom għall-aħħar darba fuq il-palk tal-MFCC.
L-erba’ finalist huma Ryan Hili, Lisa Gauci, Aidan Drakard u Cheryl Balzan.
Hemm baħar jaqsam bejn il-vuċijiet tagħhom. Madankollu, Ryan, Lisa, Aidan u Cheryl ilkoll għandhom identità artistika li ċertament tista’ tqanqal emozzjoni kbira lil dawk li se jsegwuhom.
Fl-aħħar kummenti tagħhom, l-erba’ kantanti kellhom kliem ta’ tifħir għal dawk li għenuhom u ggwidawhom sabiex setgħu jaslu s’hawn. Filwaqt li rringrazzjaw lill-pubbliku għas-sostenn kontinwu, huma ħeġġewh biex illejla jagħtihom il-vot tiegħu għall-aħħar darba f’din l-aħħar esebizzjoni.