Tuesday, May 14, 2024

Floriana jikkonvinċu u jegħlbu lil Mosta

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Floriana …….2

Mosta ………0

Floriana saħħew it-tieni post tal-klassifika tal-BOV Kampjonat Premier meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0,  liema rebħa kienet waħda meritata.

B’din it-telfa, Mosta baq­għu fil-periklu li jistgħu jintlaħqu minn Sta Lucia għall-ġlieda kontra r-relegazzjoni. 

Kienu Mosta li ħolqu l-ewwel periklu wara biss ħames minuti meta Sunday Akinbule ttanta xortih permezz ta’ lob minn tarf il-kaxxa li iżda ntemm għoli.

Floriana wiegbu fl-20 minuta permezz ta’ xutt ta’ Aleandro Garzia minn barra l-kaxxa li ġie salvat min­għajr wisq diffikultá mill-goalkeeper, Ini Etim Akpan.

Huma komplew fuq l-offenisva u erba’ minuti biss wara, Brandon Paiber venven xutt mid-distanza li għadda jħakkek mal-wieqfa bil-Mostin jeħilsuha ħafif.

Fl-34 minuta, Eugeniu Rebenja, dejjem għat-team immexxi mill-coach Taljan, Gianluca Atzori, falla ċans tajjeb meta minn qagħda ideali xeħet barra.

Eżatt qabel tmiem l-ew­wel taqsima, Floriana kellhom ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta mill-viċin Alejandro Garzia ra t-tentattiv tiegħu jiġi milqugħ b’diffikultá minn Akpan.

Il-pressjoni kienet kollha fuq Floriana u fil-ftuħ tat-tieni taqsima, ħarġu ferm aggresivi fit-tentattiv li jiftħu u fit-53 minuta Brandon Paiber kellu free-kick insidjuż li ġie devjat f’corner mid-difiża tal-Blues.

 Finalment il-goal għal Floriana kellu jasal fit-68 minuta meta s-sostitut ta’ Mosta, Raul Manuel Fernandes da Silva, fit-tentattiv li jikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu, tefa’ l-ballun fil-lasti tiegħu stess biex b’hekk irriżulta f’auto-goal sfortunat.

Wara dan il-goal, il-Furjaniżi kibru fl-istatura u fil-75 minuta resqu ferm viċin li jirduppjaw meta Andrei Ciolacu kellu xutt fil-baxx minn pożizzjoni angolata salvat bi tbatija minn Akpan.

U biex l-affarijiet ikomplu sejrin ħażin għal Mosta huma spiċċaw jilagħbu b’10 players meta fis-76 minuta tkecca Geoffrey Acheampong meta ntwera mill-ewwel il-karta ħamra wara foul ta’ ritaljazzjoni meta deher jagħti daqqa ta’ ras lil Ryan Camenzuli.  

Iżda t-tieni goal tagħhom wasal fit-tieni minuta tal-ħin miżjud meta b’xutt minn taħt il-lasti KEMAR REID sammar il-ballun fix-xibka.

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 3-Christian Rutjens, 4-Oualid El Hasni, 5-Zachary Cassar, 6-Rumyan Hovsepyan, 11-Andrei Ciolacu, 20-Matias Nicolas Garzia (30-Jan Busuttil 46), 22-Brandon Paiber, 29-Eugeniu Rebenja (8-Kemar Reid 66), 77-Alendro Garzia (2-Adam Magri Overend 46), 94-Ryan Camenzuli – Coach: Gianluca Atzori

MOSTA: 12-Ini Etim Akpan, 6-Roderick Briffa (7-William Donkin 74), 11-Geoffrey Edwin Acheampong, 13-Clayton Failla, 20-Boubakary Diarra (9-Michael Mifsud 87), 22-Tyrone Farrugia, 30-Luis Riascos, 33-Dennis Agyane Antwi (77-Zachary Brincat 68), 34-Rafel Morosco (5-Raul Manuel Fernandes da Silva 46), 88-Sunday Akinbule, 98-Rodriguez Ekani – Coach: Joseph Grech

REFEREE: Slobodan Petrovic

ASS. REFEREES: Alan Ca­milleri, Mitchell Scerri

RABA’ UFF: Emanuel Grech

SKORERS: R. M. Fernandes 68 og, K. Reid 91 (F)

AMMONITI: R. Camenzuli, M. N.Garcia (F), R. Morisco, L. Riascos, B. Diarra, S. Akinbule, Z. Brincat (M)

Sport