Erba’ persuni sfaw midrubin f’attakk b’sikkina viċin l-eks-uffiċini tal-ġurnal satiriku Charlie Hebdo. Dan kien ikkonfermat mill-pulizija ta’ Pariġi li qalu li b’rabta ma’ dan il-każ ġie arrestat raġel.
Il-Pulizija Franċiża qalet li filwaqt li għall-bidu kienu qed jaħsbu li seta’ kien hemm żewġ aggressuri involuti f’dan l-attakk, issa huwa maħsub li l-attakk twettaq minn persuna waħda, li ġiet arrestata viċin il-plaża ta’ Bastille fil-Lvant ta’ Pariġi.
Għadu mhux magħruf x’kienet ir-raġuni wara l-attakk jew jekk l-attakk kienx b’xi mod marbut ma’ Charlie Hebdo, li kienet ċaqalqet l-uffiċini tagħha wara l-attakk li twettaq minn estremisti Iżlamiċi fl-2015.