Erba’ persuni tressqu l-Qorti b’rabta ma’ traffikar u importazzjoni tad-droga. Kienu l-Pulizija li fi stqarrija qalu li kienu saru żewġ operazzjonijiet separati fejn fihom ġew arrestati xi persuni.
L-ewwel li tressqu l-Qorti kienu l-Isqalli Clemente Pennisi ta’ 29 sena li jgħix l-Imtarfa u l-Ispanjola Marta Clementa Jimenez ta’ 29 sena. Huma ġew mixlija b’ pussess aggravat ta’ droga fosthom li fil-pussess tagħhom kellhom pilloli ectasy, kokaina, MDMA, Pink Cocaine u ketamina.
Huma ġew arrestati hekk kif għall-ħabta tas-1.30am tas-Sibt l-Pulizija waqt li kienu rodna fil-Gżira raw vettura tal-għamla Citroen bix-xufier ta’ din il-karozza daħal fi blokka u reġa’ ħareġ.
Il-Prosekuzzjoni qalet li hekk kif l-imputat induna li kien hemm xi ħadd isuq warah bdew jsuq sakemm daħal f’one-way.
Kien hawn li ġie arrestat u fuqu nstabu €1,100, żewġ mowbjals u żewġt iċwievet li qablu mal-bieb tal-komun u ma’ dak tal-appartament, fejn instabet id-droga.
Miegħu ġiet arrestata wkoll Marta Clementa Jimenez.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjona. Qalet li l-imputati m’għandhomx xogħol, m’għandhomx residenza fissa f’pajjiżna u hemm diversi persuni li għad iridu jixhdu.
Dwar dan il-każ il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest kif ukoll ordnat l-iffirużar tal-assi tal-imputati. Il-Qorti ordnat ukoll li t-tnejn li huma jingħataw l-għajnuna medika u psikoloġika minħabba l-vizzju tad-droga.
Intant ftit tal-ħin wara tressqu żewġ żagħżagħ Skoċċiżi fejn ġew akkużti li daħlu fil-pajjiż ammont ta’ droga li kienu se jikkonsmaw waqt party fi tmiem il-ġimgħa.
Sam Kesserly ta’ 22 sena u Jamie Leckie ġew arrestati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u fuhqom instabu erba’ grammi ketamina, gramma kokaina u 25 pillola ectsasy.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Silvan Pulis spjegat kif dawn iż-żgħażagħ ġabu magħhom din id-droga għall-użu personali tagħhom hekk kif ħasbu li d-droga li se jsibu hawn mhux se tkun tajba.
Huma ammettew l-akkużi kontrihom fejn il-Qorti kkundannathom sena ħabs sospiża u multa ta’ €465 kull wieħed.