Friday, December 20, 2024

Erba’ persuni nqatlu fi sparatura waqt festin f’Alabama

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn tal-inqas erba’ persuni nqatlu fi sparatura waqt festin li seħħ fl-istat Amerikan ta’ Alabama. 

Qed ikun irrapportat li 28 persuna oħra ndarbu, uħud minnhom b’mod serju, wara li s-Sibt li għadda ġew sparati tiri fil-Mahogany Masterpiece Dance Studio fil-belt ta’ Dadeville.

L-atleta Phil Dowdell, issemma li kien wieħed mill-vittmi tal-isparatura. Wara dan l-inċident, il-President Amerikan Joe Biden reġa’ tenna s-sejħiet tiegħu għal liġijiet aktar ħorox dwar l-armi. 

“Fiex wasal in-nazzjon tagħna meta t-tfal lanqas biss jistgħu jattendu ‘birthday party’ mingħajr biża’?” staqsa Biden fi stqarrija maħruġa mill-White House matul il-jum tal-Ħadd.

Skont l-Arkivju tal-Vjolenza tal-Armi, b’din l-aħħar sparatura telgħu għal 160 l-għadd ta’ inċidenti fl-Istati Uniti li fihom seħħew sparaturi li kienu jinvolvu erba’ persuni jew aktar din is-sena.

B’popolazzjoni ta’ madwar 3,200 persuna, Dadeville hija belt rurali żgħira u hi xi ħaġa rari li jseħħu xeni ta’ vjolenza fuq din l-iskala. Sadanittant, ma ngħatawx aktar dettalji dwar kif intemmet l-isparatura jew jekk is-suspettat aggressur mietx jew kienx arrestat.

Ekonomija

Sport