Tuesday, December 24, 2024

Erba’ snin ħabs wara li ammetta li kien involut fi ħruq ta’ vann f’Għawdex

Aqra wkoll

Roderick Monreal, raġel ta’ 32 sena, ġie kkundannat erba’ snin ħabs hekk kif ammetta li hu kien involut fil-ħruq ta’ vann li kien ipparkjat ħdejn il-Gozo Stadium. Ammetta wkoll li wettaq ħsara fuq propjetà tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-Futbol (GFA).

Ir-raġel kien mixli mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri li fl-1 ta’ Settembru ta’ sentejn ilu, waqt li kien qiegħed fil-parkeġġ li hemm ħdejn il-Gozo Stadium fix-Xewkija, ta n-nar lil vann kif ukoll wettaq ħsara fuq propjetà tal-GFA.

Kien fis-16 ta’ Settembru tal-2021 meta hu ammetta l-akkużi kollha kontrih u aktar tard dik is-sena stess kien informa lill-Qorti li kien ħallas is-somma ta’ €1,900 lill-GFA.

Il-Maġistrat Simone Grech fis-sentenza qalet li qieset ir-rapport li sar mill-uffiċjal tal-probation. Ikkunsidrat ukoll li Monreal kien wieħed minn ħames persuni li kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-Maġistrat Grech ikkundannat lill-akkużat erba’ snin ħabs u poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal 3 snin. Hija ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin biex tipproteġi lill-vittma ta’ dan il-każ.

Ekonomija

Sport