Friday, May 17, 2024

Jaspira li bl-arti tiegħu jfakkar l-importanza li nippreżervaw l-ambjent marittimu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar biċċa arti tiegħu bit-tafal, l-artist Raphael Mizzi xtaq iwassal messaġġ sempliċi u ċar rigward il-bżonn li nippreżervaw l-ambjent inġenerali b’mod speċjali dak marittimu.

Mizzi qal li din il-biċċa xogħol ħaditlu madwar 14-il siegħa mifruxin fuq jumejn u tinsab għal ftit jiem biex titgawda minn dawk li jżuru r-Ramla l-Ħamra f’Għawdex. Huwa qal li minkejja li tieħu ħafna xogħol biex tinħadem xi ħaġa fuq il-qisien skont il-proporzjon biex tkun tista’ titqies professjonali, bħala struttura tibda tiddeterjora fi proċess naturali iżda s-sabiħ tagħha jibqa’ li dawk li jilħqu jarawha japrezzaw u anke jifhmu l-iskop tagħha.

Huwa kellu kliem ta’ tifħir għall-mod ta’ kif persuni ta’ kull età avviċinawh biex jifhmu x’kien qiegħed jagħmel, b’mod speċjali tfal li saħansitra ppruvvaw joħolqu xi ħaġa simili fuq skala ferm iżgħar. Sostna li dak għalih huwa ta’ sodisfazzjon enormi għax dik turik kemm l-arti kapaċi tgħaqqad u tispira lil kulħadd.

Rigward il-ħsieb wara din il-fekruna maħduma fuq il-kejl ta’ fekruna tal-istess daqs ta’ dik reali – twila mal-1.8 metri – l-artist qal li ried jonora s-sbuħija tal-annimal u l-importanza tiegħu fil-baħar mediterran.

“Filwaqt li għad ma kellix l-opportunità li niltaqa’ ma’ waħda fl-ambjent naturali tagħha, nittama li jasal dak il-mument ukoll”, tenna l-artist.

Dan is-sit kien kellem personalment lil Mizzi s-sena li għaddiet meta kien qiegħed jaħdem biċċa xogħol oħra f’Għajn Tuffieħa. Dakinhar huwa kien spjegalna aktar fid-dettal dwar il-proċess.

Sport