Wednesday, October 9, 2024

“Din ħaditli 16-il siegħa u jekk ma jitlax il-baħar għaliha kapaċi ddum mal-20 jum”

Raphael Mizzi - Artist jaħdem strutturi bit-tafal fil-bajja t'Għajn Tuffieħa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Din kienet biċċa xogħol daqsxejn kbira u ħaditli mas-16-il siegħa biex lestejta. Din l-istruttura kien ilni għaliha. It-Torso ta’ Gaddi hija fdalijiet ta’ biċċa arti li tinsab fil-mużew ta’ Firenze. Wara li jkolli l-istruttura li nkun għażilt f’moħħi, nipprintjaha 3D, nġibha miegħi hawnhekk f’Għajn Tuffieħa u wara li nsib il-post li jidhirli li hu addattat, naqbad infassal.

Nibda nkejjel u nibda naħdem struttura bl-injam li nsib mal-baħar. Nibda niġbor it-tafal minn hawnhekk stess u nagħġen biex nibda nifformaha. Fuq ġewwa tagħha l-istruttura hija magħmula mill-injam għax inkella jekk ma jkollokx xi tip ta’ skeletru biex ngħidu hekk ma tkunx tista’ tgħaqqad għax inkella t-tafal jibda jaqsam u l-istruttura tibda ċċedi. Mhux se ngħidlek li ma jkollokx x’jittantak ta’ eżempju f’dan il-każ id minnhom bdiet tittanta u waqgħet xi darbtejn. Imma mbagħad erġajt infurzajta bl-injam, waħħalta mal-ġisem u s’issa żammet. Issa sakemm tibda tinxef ftit imbagħad iżżom.

Illum it-tielet ġurnata fuq din il-biċċa xogħol. L-istruttura finali hija ħames darbiet akbar minn din li printjajt u għalhekk bażikament kull parti tal-ġisem hija ħames darbiet akbar mill-kejl li għandi hawnhekk.  Inġib biex inkejjel miegħi u dejjem inqabbel u nara biex kemm jista’ jkun inżomm il-proporzjon. Bħala tul din ġiet twila 35 pulzier. 

Il-proċess huwa wieħed sempliċi fejn aħna li nkunu tħarriġna dwar din it-tip ta’ arti nitgħallmu nikkupjaw il-profili minn naħat differenti. Importanti li tosserva u tħares kontinwament biex tqabbel kull angolu.

Jekk ma tagħmilx ix-xita jew ma jitlax il-baħar għaliha, ġieli taqbeż anke l-20 jum. Ftit ftit tibda tixxaqqaq u jibdew iċedu xi biċċiet minnha. 

Ilni nesperimenta din it-tip ta’ arti mill-2015, iżda nagħmel dawn l-istrutturi skont il-ħin li nsib u anke jiġu ġranet li l-artist bħal donnu jħoss xi ħaġa fih li tindikalu li wasal iż-żmien biex jagħmel xi ħaġa ġdida.

It-tfal l-aktar kurjużi. Jindunaw li hija xi ħaġa ftit iżjed iebsa mit-tafal biex ngħidu hekk nadif. Imma interessanti ħafna għalija li tiltaqa’ ma’ kulturi differenti u tara l-arti xi tfisser għal dak li jkun. Jieqfu nies minn ħafna pajjiżi eżempju llum ġew turisti mill-Belġju u anke mill-Italja li waqfu biex jistaqsuni dwarha u anke jkunu jixtiequ jieħdu ritratti tax-xogħol.

Dan għalija huwa delizzju fejn b’materjal li nsibu kollu minn fuq il-bajja noħloq biċċa arti temporanea li għal min japrezza l-arti hija xi ħaġa li tista’ titgawda minn kulħadd għal ftit jiem. Kien hemm min ħaseb li fl-aħħar kif inlesti xi biċċa xogħol noħodha miegħi… lil hinn minn hekk! Mur arani nġorr xi ħaġa bħal din. Kieku rrid xi erbgħa min-nies!”

Sport