Bro. Edward: Il-Bniedem li Għex it-Talb

- Minn Dr Mark Xuereb

Aqra wkoll

Xi wħud jgħallmu bil-kliem; oħrajn jgħallmu bil-preżenza tagħhom. Brother Edward għallem b’ħajtu kollha, u fuq kollox, bit-talb. Kien ġgant fil-qasam edukattiv, iżda għal dawk li kellhom il-grazzja li jafuh, kien ħafna aktar minn edukatur. Kien preżenza, eżempju, gwida u għal ħafna figura ta’ għożża li tibqa’ tgħix fil-qalb.

Għex is-sejħa tiegħu b’mod viżibbli u b’għan ċar. Kuljum liebes il-libsa ikonika Lasalljana bil-bavalor, kien jinkarna l-kliem tal-Fundatur, San Ġwann Battista de La Salle: “Iż-żgħażagħ għandhom bżonn id-dawl ta’ mexxejja li jmexxuhom fit-triq tas-salvazzjoni” (De La Salle, Meditations, 197.3, 1994).

Kien il-gwida omnipreżenti tagħna, jimxi madwar il-kulleġġ u jmexxi, mhux tant bil-kliem, iżda bl-eżempju. Kien hemm xi ħaġa speċjali fil-mod kif kien ikun preżenti. L-umiltà tiegħu, is-sens sabiħ tal-umoriżmu u l-loġika prattika tiegħu kienu jħallu marka fuq kull min kien jiltaqa’ miegħu. Kien jgħix it-tagħlim b’tant profondità daqskemm kien jgħix il-fidi. Kien jaf ikun sod mingħajr ma jkun qatt iebes, assertiv mingħajr aggressività, u preżenti mingħajr ma jkun intrużiv.

Għalliema u studenti kienu jarawh waqt il-lezzjonijiet u jitgħallmu mill-kalma, mill-paċenzja u mill-awtorità naturali tiegħu. Ma kienx bniedem li jħobb jagħti l-opinjonijiet. Kien jagħti xi ħaġa ħafna aktar prezzjuża: l-esperjenza tiegħu.

Ommi, li kienet għalliema, għadha tiftakar b’mod ċar il-ġurnata tal-irtirar tagħha. Fil-kamra tal-għalliema, b’ċajta qalet li xtaqet il-qanpiena tal-idejn li kienet tintuża biex issejjaħ lill-istudenti għall-assemblea. Mingħajr ma ħasibha darbtejn, Brother Edward qabad u rregalahielha. Bla daqq ta’ trombi, bla ċerimonja, mingħajr ma għamel xejn kbir minnha — sempliċement għax kellu qalb li tħobb tagħti.

Snin wara, waqt qtugħ tal-elettriku, il-qanpiena elettrika ma ħadmitx, u Brother Edward deher jiġri minn hawn għal hemm ifittex dik il-qanpiena. Kien nesa’ li kien taha! L-għalliema daħku bil-qalb, iżda llum dik il-qanpiena għadha wieqfa fuq l-ixkaffa fis-salott ta’ ommi.

Għalina, m’għadhiex sempliċement qanpiena imma tifkira. Hija biċċa minn qalbu li baqgħet magħna. Hija simbolu żgħir ta’ bniedem li kien jagħti mill-qalb, u l-ġenerożità kienet l-aktar ħaġa naturali għalih.

Eluf ta’ persuni għandhom memorji għeżież tiegħu. Kull wieħed għandu l-istorja tiegħu. Min jiftakar kelma, min jiftakar tbissima, min xi parir. Żgur li kulhadd jiftakar il-preżenza tiegħu fil-kurituri. U xi ħadd, forsi mingħajr ma jaf, għadu jġorr miegħu xi ħaġa li Brother Edward għallmu.

Din kienet il-formazzjoni vera li tana.

Fil-Kulleġġi Lasalljani, ma kienx jagħtina biss edukazzjoni. Kien jghina niffurmaw il-karattru taghna. Kien jgħallimna l-imħabba, l-għarfien, ir-rispett u d-dinjità. Kien jemmen li kull student għandu valur u li kull żagħżugħ għandu bżonn lil xi ħadd li jemmen fih. Kien jgħix għall-istudent u mal-istudent, u baqa’ jagħmel dan sal-aħħar.

It-talb, il-preżenza u l-perseveranza ma kinux għalih sempliċi virtujiet li wieħed jgħallem. Kienu l-mod kif għex ħajtu.

Il-ħajja ta’ Brother Edward ma kinitx kollha ward u żahar. Iffaċċja sfidi u kriżijiet bħal kull wieħed u waħda minnha.  Meta fi żmien il-gwerra kien qed jistudja fi Franza biex isir Brother kellu jaħrab lis-suldati tal-għadu. Fis-snin tmenin organizza tagħlim fid-djar u ħadem bla heda biex jaffaċċja l-isfidi li kienu qed jiffaċċjaw il-vokazzjonijiet reliġjużi. Kien jaf xi tfisser il-perseveranza. Kien jaf xi tfisser tkompli miexi meta t-triq ma tkunx faċli.

U din il-virtù baqgħet miegħu sal-aħħar.

Fl-aħħar xhur ta’ ħajtu, l-isptar sar parti mir-rutina tiegħu. Il-ġisem beda jgħejja, iżda l-fidi tiegħu ma ddgħajfitx. Meta l-kliem sar aktar diffiċli, kien għad hemm it-talb. Kien jagħlaq għajnejh, iżomm il-kuruna f’idejh u jieħu n-nifs bil-mod, waqt li jtenni dik l-invokazzjoni tant familjari li eluf kienu semgħu mingħandu matul is-snin:

“Ejjew niftakru li qegħdin fil-preżenza l-aktar qaddisa ta’ Alla.”

Kemm kien xieraq dan il-kliem biex jagħlaq l-aħħar kapitlu ta’ ħajtu!

Il-bniedem li għal tant snin kien ifakkarna fil-preżenza ta’ Alla, fl-aħħar sab ruħu jistrieħ fiha.

Qatt ma qata’ qalbu mit-talb. Ma kienx sempliċement jgħallem bih; kien jgħixu. Kien jemmen li t-talb jista’ jġorr lill-bniedem meta s-saħħa tonqsu, li jista’ jagħtih tama meta kollox jidher mudlam, u li, bil-fidi, anke l-muntanji jistgħu jiċċaqalqu.

Id-devozzjoni tiegħu lejn Alla, lejn il-Fundatur u lejn il-Madonna tal-Grazzja kienet parti mill-identità tiegħu. U l-festa ta’ Ħaż-Żabbar kemm kienet ghal qalbu! Din il-festa kien iħobbha b’ferħ pur u innocenti bħal tat-tfal!

Għadda minn sptar għal ieħor u aċċetta kull bidla bil-grazzja. Anke meta ma baqax kapaċi jimxi, ma lmentax. Il-ġisem tiegħu kien qed jitħabat, iżda l-ispirtu tiegħu baqa’ seren.

U mbagħad waslu dawk l-aħħar sigħat.

Sigħat li wieħed ma jinsa qatt.

Rajtu jitfa’ idu ’l quddiem, jagħti idejh u jitbissem. Xi wħud mill-għalliema devoti li kienu ħdejh rawh iħares ’il fuq, jitbissem u jipprova jlissen:

“Mulej, ħudni miegħek.”

Kliem sempliċi iżda kienu jiġbru ħajtu kollha.

Wara ħajja ta’ servizz, ta’ tagħlim, ta’ talb u ta’ mħabba, kien lest biex imur għand Dak li tant kien iħobb.

Brother Edward għex bħala edukatur li jitlob. Il-fidi tiegħu kienet issawwar it-tagħlim tiegħu, u t-tagħlim tiegħu kien jesprimi l-fidi tiegħu. Għalhekk, il-wirt tiegħu mhux se jispiċċa bil-mewt tiegħu, għax dak li għallimna jgħix fina.

Se nimmissjawk, għażiż Brother Edward!

Se nimmissjawk ghaddej bil-libsa Lasalljana fil-kurituri. Se nimmissjaw il-passi tiegħek, il-vuċi tiegħek, it-tbissima tiegħek u dik il-preżenza kwieta li kienet tagħtina sens ta’ serħan. Imma aktar minn kollox, se nimmissjaw dak is-sens sabiħ li kont tagħtina: li kont hemm ghalina. U forsi dik hija l-akbar rigal li tajtna — il-preżenza tiegħek.

Illum, dik il-preżenza tibqa’ magħna b’modi oħra. Tibqa’ fil-memorji tagħna. Tibqa’ fl-istudenti li għad għandhom il-kuraġġ li jkomplu. Tibqa’ fl-għalliema li għadhom jgħallmu bl-imħabba. Tibqa’ f’dik il-qanpiena li għadha fid-dar ta’ ommi. U tibqa’ f’kull talba li nibdew bil-kliem li int għallimtna tant drabi:

“Ejjew niftakru li qegħdin fil-preżenza l-aktar qaddisa ta’ Alla.”

Għażiż Brother Edward, grazzi!

Grazzi tal-ħajja li tajt lill-edukazzjoni. Grazzi tal-fidi li qsamt magħna. Grazzi tal-paċenzja, tal-umiltà, tal-ġenerożità u tal-imħabba. Grazzi għal kull student li emmint fih, għal kull għalliem li ħeġġiġt u għal kull persuna li għamilt tħossha ftit aħjar sempliċement għax kont hemm.

Issa wasal iż-żmien li tistrieħ.

Ħalli t-talb li tant tajt lilna issa jkun it-talb tagħna għalik.

Strieħ fis-sliem, għażiż Brother Edward!

Ibqa’ ħarisna minn hemm fuq. Ibqa’ mexxina u ispirana. Ħu ħsieb lill-Brothers, lill-għalliema, lill-istudenti u lil dawk kollha li kellhom il-privileġġ li jafuk. U jekk xi darba nisimgħu qanpiena, forsi għal mument nieqfu u nitbissmu. Għax niftakru fik:

Il-Headmaster tagħna.
Il-Brother tagħna.
Il-gwida tagħna.
Il-ħabib tagħna.
Il-bniedem li għallimna nitolbu.

Il-Bniedem tat-Talb.

U għal dejjem, Brother Edward, inti tibqa’ magħna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport