“Dawn se jkunu ġimgħat impenjattivi”- l-Ispeaker Carmelo Abela

Illum jirritorna l-Parlament wara l-btajjel tas-sajf

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif illum jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament wara l-btajjel tas-sajf, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Carmelo Abela enfasizza li r-ritorn tas-seduti tal-Parlament ifisser li nerġgħu nidħlu f’ritmu sħiħ ta’ ħidma fil-Kamra, kemm permezz tas-seduti plenarji kif ukoll fil-Kumitati Permanenti. 

Ma’ L-Orizzont, l-Ispeaker Abela spjega li dawn se jkunu ġimgħat impenjattivi fejn minbarra l-ħidma leġiżlattiva li tkun quddiem il-Kamra, qed noqorbu wkoll lejn perjodu importanti ħafna fil-kalendarju parlamentari marbut mal-Budget, li naturalment iġib miegħu dibattitu estensiv dwar il-prijoritajiet u d-direzzjoni tal-pajjiż. 

Bħala Speaker, huwa qal li r-rwol tiegħu hu li jara li l-ħidma tal-Kamra titmexxa b’mod serju u effiċjenti, b’rispett lejn il-proċeduri parlamentari, lejn l-istituzzjoni u lejn ir-rwol tal-Membri kollha tal-Kamra. 

Huwa żied li jixtieq li tkompli tingħata aktar viżibilità lill-ħidma kollha li ssir fil-Parlament. “Ħafna drabi l-attenzjoni tkun fuq is-seduti plenarji, iżda hemm ħafna aktar xogħol li jsir fil-Kumitati Permanenti, fil-ħidma amministrattiva u fid-diplomazija parlamentari,” qal l-Ispeaker. 

Ħidma kontinwa fuq diversi livelli

Huwa kompla jenfasizza li l-fatt li l-Kamra ma tkunx qed tiltaqa’ f’seduti plenarji matul il-waqfa tas-sajf ma jfissirx li l-Parlament jieqaf jaħdem. Għall-kuntrarju, l-Ispeaker qal li dawn ix-xhur kienu xhur ta’ ħidma kontinwa fuq diversi livelli.

“Fil-Parlament ilqajna numru konsiderevoli ta’ persuni u delegazzjonijiet. Kelli laqgħat ma’ Ambaxxaturi akkreditati għal Malta, Ministri għall-Affarijiet Barranin u delegazzjonijiet parlamentari minn pajjiżi oħra, kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ awtoritajiet, istituzzjonijiet, għaqdiet u entitajiet Maltin. Kelli wkoll diversi żjarat u laqgħat barra mill-binja tal-Parlament, għaliex nemmen li l-Parlament għandu jibqa’ jisma’ u jżomm kuntatt mar-realtajiet differenti tas-soċjetà tagħna.

“Matul is-sajf ħdimna u ddiskutejna wkoll numru ta’ inizjattivi li se nkunu qed nieħdu fix-xhur li ġejjin, bil-għan li nkomplu nressqu l-Parlament aktar qrib il-pubbliku, intejbu l-komunikazzjoni dwar il-ħidma tiegħu u noħolqu aktar opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni u għarfien dwar il-ħidma parlamentari.

“Matul dan il-perjodu sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni u titjib fil-binja tal-Parlament, flimkien mat-tħejjijiet meħtieġa għar-ritorn tas-seduti u għall-attivitajiet li jsiru matul is-sena.

“Fl-istess waqt kompliet il-ħidma internazzjonali. Matul is-sajf irrappreżentajna lill-Parlament ta’ Malta f’fora bħall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u l-Konferenza Parlamentari tal-Commonwealth. Din il-ġimgħa stess ninsab f’Arusha, fit-Tanzanija, għall-153 Assemblea tal-Unjoni Interparlamentari, li tlaqqa’ flimkien parlamentari minn madwar id-dinja. Dawn il-laqgħat huma opportunità biex Malta tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Parlamenti oħra, tipparteċipa fid-diskussjoni dwar sfidi komuni u żżomm il-vuċi tagħha preżenti fil-qasam tad-diplomazija parlamentari.

“F’dan kollu hemm ukoll il-ħidma ta’ kuljum tal-istaff tal-Parlament. Għall-pubbliku l-aktar parti viżibbli huma s-seduti u l-Membri Parlamentari, iżda warajhom hemm staff sħiħ li jaħdem matul is-sena kollha biex l-istituzzjoni tiffunzjona b’mod professjonali u effiċjenti. Irrid nirrikonoxxi u nirringrazzja lill-istaff għal din il-ħidma, ħafna minnha minn wara l-kwinti iżda essenzjali għall-funzjonament tal-Parlament.

“Għalhekk, issa li se jerġgħu jibdew is-seduti, mhux qed nerġgħu nibdew naħdmu wara s-sajf. Qed inkomplu ħidma li baqgħet għaddejja tul dawn ix-xhur u li issa tidħol f’fażi oħra bir-ritorn tal-Kamra,” qal l-Ispeaker. 

“Nemmen ħafna fid-djalogu”

Huwa ddikjara wkoll li jemmen ħafna fid-djalogu. “Għalija dan m’għandux ikun xi ħaġa li ssir f’okkażjoni partikolari biss, iżda għandu jkun parti mill-mod kif taħdem istituzzjoni bħall-Parlament.”

Qal li kien għalhekk li, flimkien mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, ġabu flimkien fil-Parlament Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra u ġurnalisti lokali. “Ridna noħolqu spazju fejn wieħed jista’ jitkellem b’mod dirett, jisma’ lill-ieħor u jifhem aħjar ir-rwol rispettiv tiegħu.”

L-Ispeaker tenna jgħid li l-politika u l-ġurnaliżmu għandhom rwoli differenti u indipendenti minn xulxin, iżda t-tnejn għandhom importanza fundamentali f’demokrazija. 

Huwa stqarr li l-ġurnalisti għandhom id-dmir li jistaqsu, jiskrutinizzaw u jwasslu lill-pubbliku dak li jkun qed iseħħ. Min-naħa tiegħu, il-Parlament għandu jkun istituzzjoni miftuħa u aċċessibbli u għandu jiffaċilita, kemm jista’ jkun, ix-xogħol professjonali tal-media.

“Kif għedt f’dik l-okkażjoni: Parlament b’saħħtu għandu bżonn Membri li jirrispettawh. Demokrazija b’saħħitha għandha bżonn ġurnalisti li jistaqsu. U pajjiż b’saħħtu għandu bżonn lit-tnejn.”

“Għalhekk irrid li dak li bdejna ma jkunx attività ta’ darba. Nixtieq li nkomplu nibnu fuq dan id-djalogu, inkluż permezz ta’ aktar kuntatt mal-ġurnalisti, mal-edituri u man-newsrooms, kif ukoll permezz ta’ inizjattivi li jgħinu biex ikun hemm għarfien aħjar dwar kif jaħdem il-Parlament u l-proċeduri tiegħu,” qal l-Ispeaker. 

“Irridu nkomplu naħdmu biex inressqu l-Parlament aktar qrib iċ-ċittadin”

Fl-aħħar nett, staqsejnieh x’appell jixtieq jgħaddi lill-Membri Parlamentari u anke lill-qarrejja ta’ dan il-ġurnal u lill-pubbliku issa li se jerġgħu jibdew is-seduti tal-Parlament wara l-btajjel tas-sajf. 

L-appell tiegħu lill-Membri Parlamentari hu li “nidħlu għal din il-parti tas-sena parlamentari b’sens qawwi ta’ responsabbiltà lejn l-istituzzjoni li nirrappreżentaw u, fuq kollox, lejn il-poplu.”

L-Ispeaker Abela qal li d-dibattitu politiku jista’ jkun b’saħħtu u d-differenzi fl-opinjoni huma parti essenzjali minn demokrazija ħajja. Huwa iżda qal li nistgħu ma naqblux mingħajr ma nitilfu r-rispett lejn xulxin u lejn il-Parlament. “Jekk nistennew rispett lejn il-Parlament minn barra, irridu nibdew billi nuru dak ir-rispett aħna stess minn ġewwa.”

Lill-qarrejja u lill-pubbliku, l-Ispeaker ħeġġiġhom isegwu l-ħidma parlamentari kollha. Mhux biss dak li jiġri fil-plenarja jew il-mumenti li jagħmlu l-aħbarijiet, iżda wkoll il-ħidma importanti li ssir fil-Kumitati Permanenti, fid-diplomazija parlamentari u fl-oqsma l-oħra tal-ħidma tal-Kamra.

“Il-Parlament huwa l-istituzzjoni li tirrappreżenta lill-poplu. Għalhekk irridu nkomplu naħdmu biex inressquh aktar qrib iċ-ċittadin, filwaqt li nħeġġu aktar interess u parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika ta’ pajjiżna.

“Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rispett lejn l-istituzzjonijiet, id-djalogu u l-parteċipazzjoni huma lkoll elementi essenzjali biex inkomplu nsaħħu d-demokrazija tagħna,” temm jgħid l-Ispeaker Carmelo Abela. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport