F’punt partikolari matul is-sajf li għadu kif intemm, kien hemm ġranet fejn ma kienux qed jgħaddu aktar minn sebgħa vapuri tal-merkanzija mir-Rotta ta’ Ħormuż.
It-tensjonijiet ġeopolitiċi qed ikomplu jfixklu waħda mill-aktar rotot kummerċjali marittimi importanti fid-dinja, u dan qed iwassal biex il-kumpaniji fis-settur qed ikollhom jiddeċiedu jibqgħux jiddependu fuq ċertu rotot kummerċjali tradizzjonali.
Għan-negozji li jittrasportaw prodotti ta’ kull tip madwar id-dinja, ir-riskji fil-preżent imorru lil hinn mis-sitwazzjoni fil-Golf. It-tensjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran, il-problemi fil-Kanal ta’ Suez, l-effetti kontinwi tal-gwerra fl-Ukrajna, tensjonijiet tal-Punent maċ-Ċina, u l-politika kummerċjali aggressiva tal-Gvern Amerikan kollha huma fatturi li qed iwasslu biex l-ambjent kummerċjali globali qed isir aktar diffiċli.
F’dan il-kuntest ta’ sfidi, ir-reżiljenza saret importanti daqs l-effiċjenza, skont Anton Xerri, Kap Eżekuttiv ta’ Focal Logistics Group, kumpaniji ewlenija Maltija fis-settur marittimu.
“Min jopera f’dan is-settur irid ikun flessibbli u jadatta malajr, irid jaċċessa rotot alternattivi meta jkun hemm tfixkil u jaħdem ma’ msieħba affidabbli fis-settur tal-loġistika biex ikun jista’ jibqa’ għaddej”.
Dawn ir-riskji ġeopolitiċi u operazzjonali qed isiru aktar spissi, u għaldaqstant sħubiji reġjonali, soluzzjonijiet li jużaw metodi differenti ta’ transport u rotot alternattivi saru kruċjali għal reżiljenza akbar.
“Illum il-ġurnata l-kumpaniji ma jsitgħux jiddependu wisq fuq soluzzjoni loġistika waħda u ma jistgħux jibqgħu jassumu li r-rotot tradizzjonali dejjem se jkunu disponibbli”, spejga s-Sur Xerri.
“Dak li għandhom bżonn il-konsumaturi fil-mument huwa msieħba ta’ min joqgħod fuqhom li jistgħu jadattaw għal bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq filwaqt li jibqgħu kompetittivi ta’ effiċjenza ta’ żmien u ta’ spejjeż”.
Din il-bidla qed tinħass ukoll f’dak li jistennew il-konsumaturi mill-kumpaniji li jipprovdu servizzi ta’ loġistika. Illum il-ġurnata, il-konsumaturi qed ifittxu dejjem l-affidabbiltà u l-komunikazzjoni, u dawn qed jingħataw importanza dejjem akbar, daqs il-prezzijiet.
Fost l-akbar sfidi tas-settur marittimu, il-konġestjoni fil-portijiet u l-limitazzjonijiet fl-infrastruttura huma ostaklu f’ċertu swieq, filwaqt li nuqqas ta’ ħaddiema, prezzijiet ogħla tal-fjuwils u spejjeż ta’ konformità regolatorja qed iżidu l-pressjoni fuq kumpaniji fis-settur tal-loġistika.
Iżda minkejja d-dipendenza dejjem akbar fuq it-teknoloġija, is-Sur Xerri jemmen li element tradizzjonali kruċjali li jibqa’ importanti anke mal-mogħdija taż-żmien huwa dak tar-relazzjonijiet personali.
“Din hija industrija mibnija fuq il-fiduċja u relazzjonijiet fuq medda twila ta’ żmien. Nistgħu nitkellmu fuq id-diġitalizzazzjoni u l-kompetittività iżda fl-aħħar mill-aħħar il-kuntatt personali ibqa’ kruċjali. Dan hu għaliex ir-relazzjonijiet jibqggħu l-pedament tal-industrija tat-tbaħħir.”
Xerri tkellem ukoll dwar il-parteċipazzjoni reċenti tal-Focal Logistics Group f’avvenimenti ewlenin tal-industrija internazzjonali fix-xhur li għaddew bħala prova tal-importanza kontinwa tan-netwerks personali.
“Dawn il-laqgħat tawna ċ-ċans li nsaħħu r-relazzjonijiet eżistenti tagħna u nesploraw sħubiji ġodda fi żmien fejn il-kumpaniji tal-loġistika qed jaħdmu aktar lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom”.
Is-settur innifsu qed isir aktar kollaborattiv, b’kumpaniji fis-settur tal-loġistika u t-trasport joħolqu sħubiji ġodda biex iwessgħu l-firxa ġeografika tagħhom u jkabbru s-servizzi disponibbli għall-klijenti. Fl-istess ħin, ir-regolamentazzjoni u l-pressjonijiet ambjentali qed iġiegħlu l-kumpaniji li joperaw il-vapuri, lill-aġenti u lill-klijenti tagħhom jerġgħu jikkunsidraw l-operazzjonijiet tagħhom u l-investiment.
Focal Logistics Group qed tinvesti f’għodda diġitali biex tissimplifika l-proċessi interni tagħha u ttejjeb il-viżibbiltà għall-klijenti, filwaqt li qed tesplora sistemi moderni tal-ġestjoni tat-trasport li jistgħu jawtomatizzaw xogħol ta’ rutina u jappoġġaw ippjanar aktar effiċjenti. Iżda skont Xerri, it-teknoloġija għandha tibqa’ mezz u mhux sostitut għall-esperjenza umana.
“It-teknoloġija għandha ssaħħaħ u mhux tieħu post l-element uman tan-negozju tagħna, Il-klijenti dejjem japprezzaw il-valur tal-aċċess dirett għal professjonisti ta’ esperjenza li jifhmu n-negozju tagħhom u li jistgħu joffrulhom soluzzjonijiet prattiċi meta jinqalgħu xi problemi”.
Xerri jibqa’ ottimist iżda kawt dwar il-prospetti fit-tul tal-industrija. Hekk kif il-kummerċ globali se jkompli jesperjenza perjodi ta’ sfidi kbar, il-kummerċ internazzjonali jibqa’ fundamentali għat-tkabbir ekonomiku u d-domanda għal servizzi loġistiċi effiċjenti x’aktarx tiżdied ukoll.
Huwa sostna li aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-konsumaturi qed ifittxu iktar soluzzjonijiet integrati fil-katina kollha tal-provvista, inkluż twassil ta’ prodotti, l-ipproċessar mid-dwana, ħażna, distribuzzjoni u servizzi oħra ta’ valur miżjud.
Din l-istrateġija tidher fir-rebranding tal-Focal Logistics Group bħala grupp loġistiku konsolidat li jkopri diversi mezzi ta’ trasport u servizzi relatati.
“Aħna naraw opportunitajiet biex insaħħu s-sħubiji internazzjonali u niżviluppaw rotot kummerċjali speċifiċi, partikolarment mill-Mediterran u b’servizzi reġjonali minn swieq emerġenti, fejn għarfien speċjalizzat jista’ joffri valur miżjud”, spjega Anton Xerri.
“Is-suċċess fis-settur se jiddependi minn kemm tkun kapaċi tadatta, tinvesti fin-nies u fit-teknoloġija u tibqa’ tipprovdi livell konsistentement għoli ta’ servizzi. u l-aktar important, hu li tibqa’ tinvesti fir-relazzjonijiet kummerċjali”, ikkonkluda s-Sur Xerri.

