Wednesday, December 25, 2024

Erba’ snin u erba’ xhur ħabs wara li ħebbet għall-ġara b’martell 

Aqra wkoll

Charlene Gatt ta’ 37 sena residenti San Pawl il-Baħar kienet ikkundannata erba’ snin u erba’ xhur ħabs wara li nstabet ħatja li ħebbet għall-ġara b’martell u kkaġunatilha ġrieħi gravi.

Il-każ seħħ nhar it-28 ta’ Novembru 2018, għall-ħabta tas-1.40 p.m. xħin il-Pulizija rċeviet telefonata li kien hemm ġlieda fi Triq iċ-Ċern, San Pawl il-Baħar. Meta l-Pulizija marret fuq il-post, sabu vettura pparkjata li fiha kien hemm il-vittma li kellha wiċċa u l-pala t’idha bid-demm. 

Il-vittma qalet lill-Pulizija li kienet ġejja bit-tifel mill-iskola u meta kienet qed tipparkja ħarġet l-akkużata, li kienet il-ġara tagħha, b’martell f’idejha, li fetħet il-bieba ta’ wara u ppruvat tħebb għat-tifel tagħha ta’ sitt snin. Qalet ukoll li hija rnexxielha tagħlaq il-bieba, però, bla spjegazzjoni ta’ xejn, Gatt qabdet ittiha bil-martell sew fuq dahra u anke fuq wiċċa kif ukoll gidmitha. 

Hija b’xi mod irnexxielha tieħu l-martell minn idejn Gatt u għaddiet il-martell lill-Pulizija. Dan kien martell tal-metall li jintuża fil-kċina għal-laħam. Il-Pulizija raw lil Gatt fil-gallarija ta’ residenza fl-istess u wara ġiet arrestata. Il-vittma ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Il-vittma kienet xehdet li meta staqsiet lill-imputata għalfejn kienet qed tagħmlilha hekk din weġbitha: “hekk irrid għax int tieħu pjaċir bid-deni ta’ ħaddieħor.” Tgħid li hi qatt ma kienet tatha fastidju, anzi allegat li kienet l-imputata li xi xahar qabel kissritilha l-karozza għalxejn. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, ikkunsidrat il-fedina penali tal-imputata. Hija għandha 20 kundanna mill-Qrati, kważi kollha relatati ma’ tlajjar għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, kundanna għal frodi u diversi kundanni għal ksur ta’ ordnijiet ta’ probation u ksur ta’ digrieti tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti qalet li dan il-każ jitratta vjolenza fiżika, att ta’ vjolenza li seħħ mingħajr ma kien hemm l-iċken provokazzjoni. Intqal li l-mottiv għal dan ir-reat jidher li huwa l-fatt li xi xahar qabel l-inċident inkwistjoni, il-vittma kienet irrapportat lill-imputata lill-Pulizija għaliex allegat li kienet kissritilha l-karozza tagħha. Barra minn hekk, dan l-att ta’ vjolenza seħħ quddiem żewġt itfal żgħar li b’xorti tajba ma weġġgħux. 

Minbarra l-erba’ snin u erba’ xhur ħabs, il-Maġistrat Farrugia ħarġet ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin biex tipprovdi għas-sigurtà tal-vittma. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Xerri.

Ekonomija

Sport