Wednesday, October 9, 2024

Erba’ snin u nofs ħabs talli daħħal f’Malta 600 gramma kannabis

Aqra wkoll

Niġerjan ta’ 38 sena kien ikkundannat erba’ snin u nofs ħabs u mmultat €5,000 wara li ammetta li disa’ snin ilu importa f’pajjiżna madwar 600 gramma kannabis. Huwa kien ordnat ukoll biex iħallas l-ispejjeż tal-każ u kellu l-proprjetà tiegħu, mobbli jew immobbli, ikkonfiskati.

Eshiemokhai Yakubu Okhiulu, mwieled in-Niġerja iżda kien jgħix fi Sqallija, ammetta l-akkużi qabel kien se jibda għaddej ġuri tiegħu. Huwa wieġeb ħati li importa 593 gramma kannabis b’valur fis-suq ta’ €14,825, li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex tiġi traffikata d-droga u li kien fil-pussess tal-istess droga.
Skont l-Att tal-Akkuża, fil-15 ta’ Diċembru 2014, għall-ħabta tad-9.30 p.m., il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu waqqfu lil Okhiulu mal-wasla tiegħu f’Malta minn Sqallija abbord il-katamaran.

Minn tfittxija li saret fil-bagalji tiegħu sabu laħam nej u fil-basket tiegħu sabu kannabis f’borża tal-plastik li kienet imgeżwra sew. L-akkużat kien qal lill-pulizija li ġie Malta biex iżur lit-tfajla tiegħu li kienet tqila u ried li jagħtiha sorpriża.
Qal iżda li ma kellux flus biżżejjed biex jivvjaġġa u talab l-għajnuna mingħand sieħbu, ċertu Toto. Dan tal-aħħar kien ħallaslu l-biljett u allegatament tah il-kannabis biex jagħmel il-flus minnha.

Għalkemm ammetta l-akkużi, Okhiulu xehed li ma kienx konxju li dak li kien qiegħed iġorr kienet droga. Il-Prosekuzzjoni qalet li dan kien jikkontradixxi mal-verżjoni li kien ta lill-pulizija fl-istqarrija tiegħu.

Okhiulu qal li wara li ġie arrestat disa’ snin ilu, huwa għamel 27 xahar miżmum taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u wara ngħata l-libertà proviżorja. Minn dakinhar, huwa qal li bena ħajtu mill-ġdid u kellu żewġ negozji; ħanut tax-xogħol u ieħor tal-merċa. Qal ukoll li kien iħallas it-taxxi.

“Nitolbok. Dakinhar li ħadt dak il-basket kont qed infittex opportunità. Ma niċħad li kont fil-pussess ta’ dak il-basket, iżda ma ġejtx hawn biex inbigħ,” l-akkużat qal lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-piena, id-Difiża appellat lill-Qorti biex tqis il-fatt li l-akkużat wieġeb ħati, ir-reat seħħ disa’ snin ilu u li issa huwa raġel tal-familja, b’tifel u ieħor daqt jitwieled.

Min-naħa l-oħra, il-Prosekuzzjoni qalet li wieħed ma jistax jinjora l-element ta’ assoċjazzjoni li kien ammetta għalih l-akkużat u l-ammont ta’ droga involuta f’dan il-każ. Qalet li d-dewmien biex wasalna għall-ġuri kien dovut għal ħafna “tentattivi mingħajr suċċess” biex eventwalment jintlaħaq ftehim.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, l-Imħallef Scerri Herrera nnotat li l-akkużat ma kienx persuna vulnerabbli meta twettaq ir-reat. Żiedet tinnota li ma kienx hemm tnaqqis fiss fil-piena għall-ammissjoni ta’ ħtija qabel il-ġuri u li l-akkużat kien ħela ħafna ħin għall-Qorti, il-Prosekuzzjoni u l-avukati billi ħa s-snin biex irreġistra ammissjoni. Tenniet ukoll li għalkemm il-kannabis ġiet legalizzata, dan ma kienx il-każ billi d-droga ma kinitx maħsuba għall-użu personali.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, ikkundannatu erba’ snin u nofs ħabs u mmultatu €5,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Maria Francesca Spiteri u Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Simon Micallef Stafrace deher għal Okhiulu.

Sport