Friday, May 3, 2024

IL-BEJGĦ TA’ ARMAMENTI MILL-KOREA TA’ FUQ LIR-RUSSJA U L-UKRAJNA

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Matul il-ġimgħa li għaddiet, l-attenzjoni tal-midja internazzjonali reġgħet daret fuq il-gwerra tal-Ukrajna, għalkemm din id-darba, is-suġġett fuq din il-gwerra kien pjuttost differenti minn dawk tas-soltu.

Dan għaliex il-medja tal-punent, kif ukoll dik tal-Korea ta’ Isfel u dik Ġappuniża, ħarġu l-aħbar li qiegħda tinħema kollaborazzjoni perikoluża ħafna bejn il-Korea ta’ fuq u r-Russja rigward appuntu l-gwerra tal-Ukrajna.

X’ħarġet s’issa l-midja internazzjonali?

Dan l-aħħar xi uffiċjali importanti fil-gvern Amerikan ħallew diversi dikjarazzjonijiet fuq dan is-suġġett. Fil-fatt, fil-bidu tal-ġimgħa li għaddiet, sors qrib ħafna tal-White House qal lis-CBS, li huwa l-il-kollaboratur ewlieni tal-BBC gewwa l-Istati Uniti, li Kim Jong Un, il-mexxej suprem tal-Korea ta’ Fuq qiegħed jippjana li jiltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin gewwa r-Russja propju matul dan ix-xahar li qegħdin fih.

Dejjem skont is-CBS u eventwalment anke skont il-BBC, dan is-sors qal li l-iskop ewlieni ta’ din il-laqgħa huwa li l-Korea ta’ Fuq tbigħ armamenti ta’ diversi tipi lir-Russja sabiex jintużaw appuntu fil-gwerra tal-Ukrajna.

Sors ieħor qrib sew tat-tmexxija Amerikana ħalla dikjarazzjoni simili għal dik li għadna kemm semmejna, din id-darba lin-New York Times. Dan is-sors qal li Kim Jong Un mistenni jivvjaġġa lejn ir-Russja permezz tal-famuża ferrovija armata li għandu, għalkemm il-post fejn sejra ssir il-laqgħa ma sssemmiex.

Uffiċjal għoli ieħor ġewwa l-Whitehouse qal lill-istess gazzetta li ‘n-negozjati rigward il-bejgħ tal-armi bejn Moska u Pyongyang qegħdin javvanzaw ħafna’ u dan ta indikazzjoni li l-laqgħa tista’ ssir gewwa xi belt Russa qrib il-kosta fil-Lvant tar-Russja.

Fil-fatt, qiegħda tissemma l-belt ta’ Vladivostok, li appuntu tinsab ġewwa dik iż-żona. Korrispondent diplomatiku ieħor Amerikan ikkonferma li Vladisvostok hija possibilità konkreta għal din il-laqgha hekk importanti tant li l-istess diplomatiku qal li huwa għandu informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha li f’Awwissu li għadda kien hemm kontinġent Nord Korean li zar Vladivostok wara li kellu diversi laqgħat ġewwa Moska ma’ uffiċjali għoljin ħafna fil-ġerarkija tat-tmexxija Russa.

Skont sorsi oħrajn, f’din id-delagazzjoni kien hemm dawk li jimmaniġġjaw is-sigurtà ta’ Kim Jong Un meta dan jivvjaġġa kemm ġewwa pajjiżu kif ukoll fil-ftit okkażjonijiet li dan iżur xi pajjiż ieħor.

Żjarat u korrispendenzi preliminari

Minkejja li sa issa għadd ma kienx hemm l-ebda kumment kemm mill-kamp Russu kif ukoll minn dak Nord Korean rigward din is-suġġett, ftit hemm dubju li dawn iż-żewġ pajjiżi qegħdin jikkollaboraw bil-kbir sabiex isir negozjoni biljunarju ta’ bejgħ u xiri ta’ armi intiżi sabiex jintużaw kontra l-Ukrajna kif ukoll li jżommu lill-pajjiżi tal-punent kwieti.

Dan minħabba li diġà saru xi żjarat fil-Korea ta’ Fuq minn diplomatiċi ewlenin Russi rigward dan in-negozju. Fil-fatt, f’intervista li ta fuq stazzjon televiżiv Amerikan, John Kirby, kelliem għall-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti qal li Sergei Shoigu, l-Ministru tad-Difiża Russa li dan l-aħħar kien ġewwa Pyongyang, il-kapitali tal-Korea ta’ Fuq, ipprova jikkonvinċi lill-gvern Nord Korean sabiex ibigħ armamenti lir-Russja.

L-istess kelliem qalet li matul l-istess żjara, li ta’ min jgħid li kienet l-ewwel żjara minn delegazzjoni internazzjonali li Kim Jong Un awtorizza minn żmien il-Covid-19, intwerew diversi tipi ta’ armamenti ta’ produzzjoni Nord Koreana lid-delegazzjoni Russa.

Fost dawn, l-armata Nord Koreana uriet lil Sergei Shoigu ‘l hekk imsejħa Hwasong Hwasong, li huma missili ballistiċi interkontinentali mibnija ġewwa l-Korea ta’ Fuq. Jingħad li dawn il-missili interkontinentali jużaw teknoloġija differenti mill-missili interkontinentali l-oħra li jeżistu madwar id-dinja sabiex jaslu fuq it-target tagħhom mill-post minn fejn jiġu sparati.

Wara din iż-żjara ta’ Shoigu gewwa l-Korea ta’ fuq, il-midja tal-punent qiegħda tirrapporta li bdiet korrispondenza permezz ta’ ittra bejn il-President Putin u Kim Jong Un propju fuq dan is-suġġett.

Twissijiet

Matul il-ġimgħa li għaddiet, diversi kelliema tal-gvern Amerikan bdew jagħmlu diversi dikjarazzjonijiet quddiem il-midja intiżi sabiex iwissu lill-Kim Jong Un biex ‘jikkollabora mal-pajjiżi l-oħra tad-dinja u ma jbigħx armamenti lill-Putin sabhiex jintużaw fil-gwerra tal-Ukrajna’. Xi wħud minn dawn il-kelliema bdew jheddu lill Kim Jon Un li kemm-il darba jibqa’ sejjer b’dan in-negozji, sejrin jiġu imposti numru akbar ta’ sanzjonijiet fuq pajjiżu.

Biża’ kbira

Lil hinn mill-bejgħ tal-armamenti li semmejna, ġewwa l-Istati Uniti kif ukoll gewwa pajjiżi qrib tal-Korea ta’ Fuq u li huma alleati tal-punent, hemm biża’ kbira li dawn il-laqgħat bejn ir-Russja u l-Korea ta’ fuq sejrin iwasslu għal żieda perikoluża ħafna fil-kollaborazzjoni militari bejn pajjiżi li huma ostili lejn l-Istati Uniti u lejn il-pajjiżi tal-punent inġenerali.

Il-midja internazzjonali qiegħda tgħid li l-gvern Amerikan huwa mwerwer bl-istedina li għamel l-istess Sergei Shoigu fejn dan ħajjar liċ-Ċina u lill-Korea ta’ Fuq sabiex jingħaqdu mar-Russja u jagħmlu eżerċizzji militari navali ‘simili għal dawk li għamlu bejniethom l-Istati Uniti, l-Ġappun u l-Korea ta’ Isfel dan l-aħħar.’

Biża’ kbira oħra mill-punent minn din il-kollaborazzjoni hija li fil-futur ir-Russja tista’ tpatti ‘l-favur’ lil Kim Jong Un u tibgħatlu armament minn tagħha meta dan ikollu bżonnhom fil-futur forsi sabiex jattakka lill-Korea ta’ Isfel. Fuq kollox, l-akbar biża’ tal-Istati Uniti hija li Putin jagħti lill-Kim Jong Un it-teknoloġija sabiex dan ikompli bl-iżvilupp tal-programm nukleari tiegħu. 

Minkejja dawn it-twissijiet, diversi esperti tal-politika internazzjonali qegħdin jgħidu li hemm ċans kbir li dan in-negozju ta’ bejgħ ta’ armamenti fil-fatt iseħħ. Dan għaliex sempliċiment huwa konvenjenti kemm għar-Russja li bħalissa hija ddisprata għall-armamenti u fuq kollox għall-Korea ta’ Fuq li issa ilha għarkupptejha għal diversi snin minħabba s-sanzjonijiet imposti fuqha matul iż-żmien. Fuq kollox, l-istess esperti qegħdin jgħidu li dan in-negozju mistenni jseħħ għaliex jaf ikun is-salvazzjoni taż-żewġ mexxejja awtoritarji.

Sport