Saturday, December 21, 2024

Erba’ snin u tmien xhur ħabs għal Sqalli li seraq flus minn fuq anzjani fil-Fgura

Aqra wkoll

Antonino D’Angelo, Sqalli ta’ 25 sena li m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna, kien ikkundannat erba’ snin u tmien xhur ħabs effettivi wara li ammetta li wettaq tliet każi ta’ serq minn fuq anzjani fil-Fgura. Dawn is-serqiet saru bejn l-10 u l-11 ta’ Jannar li għadda.

L-ewwel serqa saret fuq anzjan ta’ 74 sena waqt li kien għadu kemm ġibed xi flus minn ATM fi Triq Mater Boni Consilii. Jirriżulta li l-akkużat seraqlu l-kartiera b’madwar €300 fi flus u diversi cards bankarji u dokumenti oħra. Waqt is-serqa, il-vittma sofra wkoll ġrieħi ħfief.

F’okkażjoni oħra, l-akkużat ipprova jisraq minn anzjan ieħor ta’ 74 sena u minn persuna oħra. Dawn iż-żewġ inċidenti seħħew fi Triq Hompesch waqt li kienu qed jiġbdu xi flus mill-ATM. L-aħħar serqa seħħet fi Triq il-Karmelitani, bil-vittma f’dan il-każ tkun anzjana ta’ 80 sena.

Il-vittmi kollha taw deskrizzjoni tal-aggressur u l-uffiċjali tal-pulizija rnexxielhom jaqbdu l-persuna kif deksritta li rriżulta li kienet Antonino D’Angelo. Dan tal-aħħar ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih sa mill-bidu nett tal-investigazzjonijiet tal-pulizija u anke meta tressaq fil-Qorti.

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, rat il-pre-sentencing report li sar fil-konfront tal-akkużat minn fejn jirriżulta li huwa ġie Malta sabiex isib xogħol wara li oħtu kienet diġà f’Malta. Huwa kellu trobbija tajba fi Sqallija u għandu livell edukattiv bażiku.

Huwa sostna li dawn ir-reati twettqu proprju għaliex ma kellux biżżejjed flus sabiex ikopri l-vizzju tad-droga li kellu. Huwa stqarr li jiddispjaċih ħafna għal dak li għamel, speċjalment peress li attakka l-anzjani.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, l-uffiċjal tal-probation jgħid li huwa tal-fehma li l-akkużat għandu jingħata l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju li daħal fih. Madankollu wieħed għandu jara wkoll in-natura tar-reat u l-gravità tiegħu.

Filwaqt li kien irrakkomandat li l-aakkużat jingħata sentenza ta’ priġunerija sospiża u jitpoġġa taħt superviżjoni u ordni ta’ trattament, l-Qorti saħqet li fid-dawl tal-gravità tar-reati b’mod partikolari l-mod ta’ kif seħħew u l-vittmi tagħhom, tqis li piena karċerarja effettiva kienet waħda idonea.

Min-naħa l-oħra, intqal li l-akkużat jeħtieġ l-għajnuna sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga u jkun jista’ jirriforma ħajtu sabiex ma jerġax ikollu inċidenti oħra simili.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, il-Qorti kkundannatu erba’ snin u tmien xhur ħabs.

Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ ordni ta’ trattament fil-konfront tal-ħati sabiex jingħata t-trattament meħtieġ sabiex jirriforma ruħu mill-vizzju tad-droga.

Ekonomija

Sport