Sunday, November 24, 2024

Erbat imwiet fuq ix-xogħol fit-tieni nofs tal-2023

Aqra wkoll

Bejn Lulju u Diċembru 2023, l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) irrappurtat erbat imwiet fuq il-lant tax-xogħol. Dan kien ifisser tliet imwiet inqas meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2022.

Statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet, kienu rrapportati 1,127 inċident mhux fatali fuq il-post tax-xogħol. L-akbar għadd ta’ dawn l-inċidenti seħħew fil-qasam tal-manifattura (15.5%). Fil-kostruzzjoni seħħew 141 inċident, filwaqt li fil-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-tiswijiet ta’ vetturi u muturi kienu rreġistrati 136 inċident.

Terz ta’ dawk li kienu involuti f’dawn l-inċidenti kienu neqsin mix-xogħol għal tlett ijiem jew inqas, filwaqt li dawk li kienu neqsin mix-xogħol għal 21 jum jew aktar laħqu t-18%.

Fil-perjodu inkwistjoni, il-parti l-kbira tal-inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol kienu jolqtu ħaddiema f’impjiegi elementari. Warajhom kien hemm il-ħaddiema tas-sengħa.

Fejn jidħlu l-etajiet, 27.3% ta’ dawn l-inċidenti kienu jinvolvu persuni li kellhom bejn il-35 u l-44 sena. F’dan il-perjodu, 73.3% ta’ dawk involuti f’inċidenti mhux fatali fuq il-postijiet tax-xogħol kienu Maltin. Kważi terz tal-persuni li sofrew xi ġrieħi fuq ix-xogħol, affettwalhom daharhom.

Fit-tieni nofs tas-sena, 27.6 fil-mija tal-inċidenti fuq ix-xogħol ġraw fʼintrapriżi bʼ500 impjegat jew aktar.

Fis-sena 2023, kienu rrappurtati 740 inċident mhux fatali għal kull 100,000 persuna li taħdem. L-ogħla rata taʼ inċidenza standardizzata taʼ inċidenti mhux fatali kienet fil-qasam tal-Manifattura; segwita mill-Kostruzzjoni u t-Trasport u l-ħażna.

Sport