Wednesday, July 23, 2025

Erdogan jemmen li t-Turkija tista’ tkun medjatur bejn ir-Russja u l-Ukrajna

Aqra wkoll

Matul il-jum tal-bieraħ il-President tat-Turkija Tayyip Erdogan beda żjara ġewwa l-Ukrajna u fiha mistenni li jiddiskuti t-tensjoni li dan l-pajjiż għandu mar-Russja. Erdogan qal li t-Turkija trid tkun il-medjatur bejn dawn iż-żewġ pajjiżi biex tevita li jkun hemm kunflitt. Uffiċjali Torok qalu li pajjiżhom mhu se jkun qiegħed jinklina lejn l-ebda naħa f’dan il-kunflitt. 

Iż-żjara ta’ Erdogan saret wara li l-kapijiet tar-Renju Unit, il-Polonja u l-Olanda – li huma membri tan-NATO – żaru l-kapitali Ukrena u kellhom diskussjonijiet mal-President Ukren Volodymyr Zelenskiy. It-Turkija għandha rabtiet tajbin kemm mal-Ukrajna u anke mar-Russja, iżda qalet li bħala membru tan-NATO hija se tkun qiegħda tagħmel dak kollu neċessarju jekk ir-Russja tinvadi lill-Ukrajna. 

Min-naħa tagħha r-Russja kompliet tinnega li hija għandha pjanijiet li tinvadi lill-Ukrajna u dan minkejja ż-żieda qawwija fin-numru ta’ forzi li hemm qrib il-frunitera Ukrena. Fl-aħħar jiem Anakara kienet offriet li permess tad-diplomatiċi tagħha tgħin biex titnaqqas it-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna – ħaġa li dawn iż-żewġ pajjiżi jidher li jaqblu magħha. It-Turkija opponiet ukoll is-sanzjonijiet li l-NATO qiegħda thedded li se timponi fuq ir-Russja jekk din tiddeċiedi li tinvadi. 

Meta kien qiegħed jitkellem mal-ġurnalisti qabel telaq lejn Kiev, Erdogan qal li t-Turkija qiegħda tħeġġeġ liż-żewġ naħħat biex jiddiskutu. Huwa tenna li dan il-kunflitt jeħtieġ li jiġi riżolt b’mod paċifiku fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali. 

Sport