Wednesday, October 9, 2024

“Ix-xogħol għall-klijenti naħdmu b’reqqa daqslikieku għalija”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

YouTube video

“Il-fissazzjoni tiegħi f’dan ix-xogħol dejjem kienet li x-xogħol li naħdmu għall-klijenti, jinħadem bl-istess reqqa u mħabba daqslikieku qiegħed naħdmu għalija. Dan ix-xogħol għalija mhuwiex biss negozju u d-dar tiegħi għandi kollezzjoni personali li tmur lura bosta snin. Il-kollezzjoni tiegħi tmur lura ħafna u tinkludi aktar minn 200 statwa ta’ San Pawl ta’ daqsijiet u forom differenti. L-iżgħar waħda fiha madwar żewġ ċentimetri u l-akbar waħda fiha madwar metru u l-materjal tagħhom fost l-oħrajn jinkludi dawk fil-kartapesta, fil-ġibs, fil-bronż, fit-tafal, fix-xema’, fl-injam, fid-drapp, fit-tessuti… jien naf semmi li trid. Ovjament dawk huma kollha tiegħi u m’hemm l-ebda waħda minnhom li tkun għall-bejgħ.

Minn ċkuniti l-logħob tiegħi kien hekk. Jien it-tfulija kienet bejn is-sittinijiet u s-sebgħinijiet u dak iż-żmien dan id-delizzju kien pjuttost popolari. Kien hemm żmien fejn qisu raqad ftit minħabba li kienet saret qisha xi taboo li tilgħab b’dawn l-affarijiet reliġjużi bħalma huma l-artali u l-vari. Jien qatt ma ħarist lura.

Missieri kien midħla tal-festa ta’ San Pawl tal-Belt u dejjem ispirajt ruħi minnu għax kien iħobb ħafna l-festa tal-Ġimgħa l-Kbira. Dejjem niftakarni narma l-vari żgħar id-dar u jkun ġej San Pawl narmaw l-artal biex inkomplu mat-tradizzjoni. Maż-żmien ħassejt li kelli nmidd idejja u meta skoprejt li jien kapaċi nagħmel prodott li jista’ jmur fil-vetrini tal-ħwienet, bdejtu bħala negozju.

Ma nistax ngħid li fil-pandemija bqajna mexjin normali. Speċjalment fil-Ġimgħa l-Kbira tas-sena l-oħra, kif ukoll tas-sena ta’ qabel l-aktar li kont affettwat u infatti baqagħli stock ta’ statwi li ma nbigħux. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-affarijiet l-oħra. Fuq il-paġna ta’ Facebook kont intella’ xi xogħol milli nkun ħdimt u għalkemm b’ċertu sagrifiċċji, ix-xogħol baqa’ joħroġ. Ma kinitx daqstant faċli u bil-Malti kelli wkoll nidhra nqassam xi xogħol anke n-naħa l-oħra ta’ Malta biex ngħidu kollox, però d-domanda baqgħet hemm u ovjament xogħol irfinut bħal dan kburi ngħid li huwa ferm apprezzat.

YouTube video

Il-futur? Hawn ħafna li għadhom dilettanti. Hawn ħafna rġiel u anke nisa li huma dilettanti. Jiġu żgħażagħ ukoll. Bħala delizzju għad hawn dawk li jagħżlu din il-kollezzjoni u grazzi għall-Għaqda Mudelli tal-Knejjes, qegħdin ikomplu jitħajru aktar persuni li jagħżlu li jaqbdu din il-kollezzjoni lil hinn minn kull kollezzjoni oħra li biex ngħidu hekk huma aktar komuni bħalma huma dawk tal-bolol u l-mudelli tal-karozzi fost l-oħrajn.

Il-festa ta’ San Pawl, hija festa pubblika tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u hija x-xewqa tagħna li fl-10 ta’ Frar narawh fit-triq ukoll anke minħabba li aħna l-Pawlini Beltin għandna l-verżjoni li ngħidu li kif jiċċaqlaq hu, jċaqlaq lil Malta miegħu”

Mario Cassar; bejjiegħ u kollezzjonist tal-minjaturi tal-knejjes

Sport