Tuesday, April 30, 2024

Ir-Russja tikkundanna ż-żieda tat-truppi Amerikani fl-Ewropa

Aqra wkoll

Ir-Russja kkundannat bil-qaw­wa d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li tibgħat truppi addizzjonali lejn l-Ewropa biex tassisti lill-alleati tagħha. L-Istati Uniti ddeċidiet li tibgħat dawn it-truppi hekk kif qiegħed ikompli jikber it-tħassib li r-Russja qiegħda tippjana li tinvadi lill-Ukrajna. 

L-awtoritajiet Russi qalu li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti kienet “distruttiva” u hija waħda li se tkompli żżid it-tensjoni u tnaqqas il-possibbiltà ta’ soluzzjoni politika. Il-Pentagon qalet li 2,000 suldat se jkunu qegħdin jintbagħtu minn North Carolina lejn il-Polonja u l-Ġermanja, u l-1,000 suldat li diġà hemm fil-Ġermanja se jkunu qed jintbagħtu lejn ir-Rumanija. Min-naħa tagħha r-Russja għandha xejn inqas minn 100,000 suldat skjerati qrib il-fruntiera mal-Ukrajna, iżda skontha hija m’għandha l-ebda pjanijiet li tinvadi. 

It-tensjonijiet f’din il-parti tal-Ewropa qed iseħħu tmien snin wara li r-Russja kienet ħadet bil-forza l-peniżola tal-Crimea minn idejn l-Ukrajna. Apparti hekk, ir-Russja appoġġjat ukoll irvellijiet ġewwa l-Lvant ta’ Donbas fl-Ukrajna li fihom eluf ta’ persuni tilfu ħajjithom. 

L-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Punent fi ħdan in-NATO jinsabu mħassbin dwar iż-żieda sostanzjali fil-forzi Russi qrib l-Ukrajna. Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg qal li fl-aħħar jiem l-alleanza rat “moviment sinjifikanti” ta’ madwar 30,000 suldat Russu li ntbagħtu ġewwa l-Belarus – f’dak li qiegħed ikun meqjus bħala l-ikbar skjerament Russu mill-Gwerra Bierda ’l hawn. Ir-Russja qalet li dawn inbagħtu biss għal taħriġ konġunt. 

Minkejja dak kollu li qiegħed jiżvolġi, il-Ministru tad-Difiża Ukren Oleksii Reznikov f’kumment li ta naqqas mill-allarm li jista’ jiżvolġi kunflitt minn ħin għall-ieħor. Huwa qal li n-numru ta’ każijiet ta’ ksur tal-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ġewwa l-Lvant tal-Ukrajna naqas filwaqt li qal li fl-aħħar tliet ġimgħat ma kien irrapportat l-ebda ġlied f’din il-parti tal-Ukrajna.

Sport