Tuesday, December 24, 2024

“Erġajna sibna fekruna ħajja fil-borża l-griża”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca jisħaq fuq aktar responsabbiltà fir-rimi tal-iskart

Aqra wkoll

“Is-sena l-oħra urietna li filwaqt li kien hemm problemi u kritika, in-nies qed jifhmu aktar il-ħidma tagħna u b’hekk għamlu ħafna aktar milli stennejna li se jagħmlu. In-nies irrispondew daqshekk tajjeb għax iridu ambjent nadif. B’danakollu li wieħed jitfa’ fil-boroż tal-iskart affarijiet bħal flares, computers u batteriji hija problema kbira li rridu nindirizzaw.”

Dan qalu l-Kap Ezekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca f’intervista li saritlu minn dan is-sit b’rabta mar-riżultati pożittivi li rreġistrat il-kumpanija WasteServ matul is-sena li għaddiet. Fil-fatt, fl-2023, WasteServ ipproċessat u rritornat lura fl-ekonomija aktar minn 20,000 tunnellata ta’ skart riċklabbli, l-akbar kwantità qatt irreġistrata f’pajjiżna. 

Dan filwaqt li l-iskart imħallat li jintrema’ mid-djar fil-borża s-sewda naqas b’23% sabiex niżel għall-inqas livelli li qatt irċeviet WasteServ f’dawn l-aħħar 20 sena, mentri l-borża organika żdiedet b’35%.

Is-Sur Bilocca qal li dan ir-riżultat huwa mertu tal-poplu Malti u Għawdxi li rrisponda b’mod tajjeb ħafna għall-policies ġodda li introduċa l-Gvern fosthom bis-separazzjoni mandatorja tal-iskart. Qal ukoll li dan l-isforz ma kienx ikun possibbli wkoll li kieku l-Gvern ma kompliex jinvesti b’saħħa kbira fis-settur tal-iskart.

Minkejja dan kollu, il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar responsabbiltà fir-rimi tal-iskart. Dan hekk kif sa ftit tal-jiem ilu stess, il-ħaddiema tal-WasteServ sabu mormija fil-borża l-griża fekruna oħra ħajja u anke żewġt iħniżer mejta. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, WasteServ se tindirizza din il-problema mhux biss b’kampanji edukattivi imma wkoll b’sistemi u protokolli, bl-għajnuna tat-teknoloġija avvanzata biex ikunu jistgħu jaqbdu minn fejn ġejjin dawn l-abbużi.

“Mhux qed naraw kwistjoni ta’ żball. Li titfa’ flare, annimali mejtin, computers, batteriji… dawn huma problemi kbar li rridu nindirizzaw,” qal is-Sur Bilocca li fakkar ukoll kif f’inċident li seħħ fit-23 ta’ Diċembru li għadda meta tkebbsu nirien fil-Magħtab wara li xi ħadd irresponsabbli rema’ materjal f’ġabra minn settur kummerċjali li qabad mal-materjal riċiklabbli.

“Kellna nar ieħor fl-impjant fejn tiġi proċessata l-borża l-griża li kien mill-batteriji ż-żgħar. Ilbieraħ ukoll qabad battery back imdaqqas. Dawn għadhom jidħlu ta’ kuljum,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ. “Wasalna biex nibdew inħaddmu sistema b’saħħitha sabiex min ikun responsabbli ta’ dawn l-azzjonijiet, jinżamm kontabbli tagħhom.”

Ekonomija

Sport