Erling Haaland ġie magħżul l-Istilla Dinjija tal-Isport tas-Sena tal-BBC Personalitá Sportiva għall-2023 wara li għen lil Manchester City jiksbu t-Treble.
In-Norveġiż ta’ 23 sena skorja 52 goal fil-kompetizzjonijiet kollha hekk kif is-City rebħu l-Premier League, iċ-Champions League u l-FA Cup fl-istaġun 2022-23.
L-ebda player ma skorja aktar goals għal club tal-Premier League fi żmien staġun.
Haaland kiseb il-Golden Boot tal-Premier League għall-kampanja 2022-23 b’rekord ta’ 36 goal fi 38 logħba.
Il-BBC World Sport Star of the Year ġie vvutat mill-qarrejja tal-BBC Sport.
Il-captain tar-rugby tal-Afrika t’Isfel, rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja, Siya Kolisi, ġie fit-tieni post, biċ-champion tad-dinja tal-Formula 1 tliet darbiet, Max Verstappen, spiċċa t-tielet.
Ir-rebbieħa ta’ midalja tad-deheb erba’ darbiet fil-ġinnastika Olimpika, Simone Biles, ir-rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja tal-football ma’ Spanja, Aitana Bonmati, u ċ-champion 24 darba tal-Grand Slam tat-tennis, Novak Djokovic, kienu wkoll fil-lista mqassra.
L-istaġun 2022-23 kien l-ewwel wieħed tal-attakkant Haaland f’Manchester, wara li ffirma mingħand Borussia Dortmund f’Ġunju 2022.
Fost għadd ta’ premjijiet individwali, Haaland rebaħ it-Trofew Gerd Muller għall-aqwa skorer fl-għotjiet tal-Ballun tad-Deheb, fejn ġie wkoll it-tieni fil-votazzjoni għall-aħjar player.
F’Novembru, huwa sar l-iktar player veloċi li skorja 50 goal fil-Premier League, fejn ħa biss 48 logħba biex laħaq din il-marka tal-istorja.
S’issa huwa skorja 19-il goal dan l-istaġun hekk kif is-City qed jagħmlu tentattiv għar-raba’ titlu konsekuttiv tal-Premier League bla preċedent.
Ir-rebbieħ tal-World Sport Star tal-2022 kien il-captain tal-Arġentina li rebaħ it-Tazza tad-Dinja, Lionel Messi.
MANCHESTER CITY U PEP GUARDIOLA
JIRBĦU T-TEAM U L-COACH TAS-SENA
Manchester City rebħu l-unur tal-BBC Sports Personality Team of the Year 2023, bil-coach ewlieni Pep Guardiola jirbaħ il-premju ta’ Coach tas-Sena.
L-eks coach ta’ Barcelona ta’ 52 sena wassal lill-Blues għar-rebħ ta’ ħames titli minn meta ħa t-tmexxija tat-team fl-2016.
Is-City għelbu lil Inter 1-0 fil-finali taċ-Champions League f’Ġunju biex rebħu l-kompetizzjoni għall-ewwel darba.
It-52 goals tan-Norveġiż fil-kompetizzjonijiet kollha fl-istaġun li għadda għenu lis-City isiru biss it-tieni team Ingliż li rebaħ it-Treble – wara li Manchester United għamlu din il-bravura fl-1998-99.
Is-City spiċċaw fil-quċċata tal-Premier League – ħames punti fuq Arsenal fit-tieni post u 14-il punt fuq Manchester United fit-tielet post.
Huma għelbu lir-rivali tal-istess belt, il-United, 2-1, fil-finali tal-FA Cup f’Wembley f’Ġunju, imbagħad temmew it-tfittxija tagħhom għat-titlu taċ-Champions League sentejn wara li tilfu kontra Chelsea fil-finali tal-2021.
Il-goalkeeper tal-Ingilterra u ta’ Manchester United, Mary Earps, 30 sena, ġiet ivvutata l-Personalità Sportiva tas-Sena 2023. Hija kienet il-player li spikkat għal-Lionesses hekk kif waslu għall-ewwel finali tat-Tazza tad-Dinja fis-sajf u ġiet ippremjata bil-Golden Glove għall-aqwa goalkeeper tat-tournament. Earps hija t-tieni player tan-nisa li rebħet il-premju tal-BBC.
Il-player tal-cricket tal-Ingilterra, Stuart Broad, spiċċa t-tieni, biċ-champion tad-dinja tal-heptathlon, Katarina Johnson-Thompson, it-tielet.