Wara li ntlaħaq ftehim mal-manager, Pep Guardiola, biex iġedded il-kuntratt tiegħu sa Ġunju 2026 b’għażla ta’ sena oħra, issa Manchester City qed iżidu l-isforzi tagħhom biex jikkonvinċu lil Erling Haaland biex jiffirma ftehim ġdid.
Iċ-champions Ingliżi qed jittamaw li d-deċiżjoni ta’ Guardiola li jibqa’ għal mill-inqas sena oħra tista’ tgħin biex l-istilla internazzjonal Norveġiż jaċċetta mega-pakkett ta’ £100 miljun!
Guardiola qal ‘iva’ fil-prinċipju għal kuntratt ġdid ta’ 12-il xahar f’liema ftehim ġdid, il-Katalan mhuwiex maħsub li jinkludi xi klawsoli ta’ rilaxx jekk is-City jinsabu ħatja tal-115-il akkuża li bħalissa qed jiffaċċjaw għal allegat ksur tar-regoli finanzjarji u konsegwentement jiġu relegati.
Min-naħa l-oħra, Haaland li s’issa skorja xejn inqas minn 105 goals għal Manchester City, qed jiġi segwit minn Barcelona.
Il-player ta’ 24 sena, mar jilgħab fl-Etihad Stadium, fl-2022, u għad fadallu sentejn u nofs oħra biex jintemmlu l-kuntratt, b’salarju ta’ £375,000 fil-ġimgħa minbarra bonuses u qligħ tal-immaġini li jinkludu £20 miljun oħra.
Il-club qed jipprepara offerta ta’ kuntratt ta’ erba’ snin li fih idaħħal £100 miljun li ma jinkludix il-bonuses u l-immaġini.
U waqt li kien qed jitkellem fil-konferenza stampa ta’ qabel il-logħba bejn in- Norveġja u Kazakhstan, huwa ġie kkwotat li qal: “Nispera li Pep jiffirma kuntratt ġdid. Kien importanti għalija fl-ewwel sentejn u nofs.
“Nispera li jibqa’ għal aktar żmien. Pep kien strumentali fl-iżvilupp tiegħi.”
Barra minn hekk, is-City jridu jiddeċiedu wkoll fuq il-futur tal-midfielder internazzjonali Belġjan, Kevin De Bruyne, li fi tmiem l-istaġun jintemmlu l-kuntratt.
Dan il-player ta’ 33 sena huma l-aktar player imħallas fil-Premier League, b’salarju ta’ £400,000 fil-ġimgħa.
Peró f’dawn l-aħħar żewġ staġuni huma sofra bosta injuries li ħallewh barra mill- azzjoni għal diversi xhur.