Saturday, May 4, 2024

Escort li kienet issuq il-Prinċipessa Diana jinbiegħ għal £650,000

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Karozza li ntużat mill-mibkija Diana, Prinċipessa ta’ Wales nbigħet għal £650,000 fi rkant.

Il-Prinċipessa Diana, li mietet kważi 25 sena ilu, saqet dan il-Ford Escort RS Turbo iswed għal kważi tliet snin minn Awwissu tal-1988. Hija dehret f’ritratti bil-karozza barra minn ħwienet tas-sbuħija f’Chelsea u f’Kensington.

Il-karozza bir-reġistrazzjoni C462FHK, eventwalment inbiegħet minn Silverstone Auctions f’Warwickshire lil xerrej f’Cheshire.

Id-dar tal-irkant ibbażata f’Leamington Spa qalet lin-nies preżenti waqt il-bejgħ li din kienet il-“karozza tal-ġurnata”.

L-irkantatur Jonathan Humbert qal li kien hemm interess kbir fil-karozza u li għaliha daħlu l-akbar ammont ta’ offerti permezz ta’ telefonati fi 12-il sena 

L-offerta bdiet mas-somma ta’ £100,000 u malajr saret kompetizzjoni bejn persuni f’Dubaj u f’Coventry. Iżda kif is-somma qabżet l-£450,000, l-offerta ewlenija ġiet minn Cheshire u Dubai – bix-xerrej ibbażat fir-Renju Unit eventwalment jirbaħha.

Il-Prinċipessa Diana kienet tippreferi issuq il-karozza personali tagħha u li persuna inkarigata mill-protezzjoni tagħha kien jirkeb bħala passiġġier magħha.

F’Ġunju tas-sena li għaddiet inbiegħ Ford Escort ieħor li kienet issuq Diana fi rkant u l-prezz offrut kien ta’ £52,000.

Sport