“Ir-raġuni għaliex bdejt dan il-ktieb u dan l-album kienet għax kelli esperjenza f’ħajti li ħassejt li xtaqt li ħaddieħor ikun jaf biha wkoll. Minn hemm twieldet Beautifully Lost. Twieldet fuq karozza tal-linja fin-Nepal, meta għal mument il-karozza kważi nqalbet, u rajt ħajti kollha għaddejja quddiem għajnejja.”
Qal dan l-artist lokali, Matt Muxu Mercieca, f’intervista ma’ dan is-sit fejn saħaq li f’dak il-mument qal lilu nnifsu, “x’jiġri kieku noħloq ktieb u album flimkien?” Stqarr li dejjem kienet ħolma tiegħu, minn meta kien żgħir ħafna, li jkollu album tiegħu stess.
Mercieca spjega li r-raġuni għaliex għamel dan l-album hija għax ilu snin jaħdem bħala songwriter u jħobb dan ix-xogħol. Kien hawn fejn enfasizza li jagħti ħafna minnu u jieħu ħafna lura. Żied li, “imma kultant ikun hemm affarijiet fil-kanzunetti fosthom kif nixtieq li jkunu l-lirika jew il-bassline u ma tkunx id-deċiżjoni tiegħi għax l-aħħar kelma dejjem tkun tal-artist.”
Żied jgħid li r-raġuni prinċipali għaliex għamel dan l-album kienet għax xtaq li jagħmel xi ħaġa fejn kollox ikun taħt il-kontroll tiegħu, fejn ikun jista’ jagħżel kollox u jisma’ eżatt kif jixtieq jisma’. “Dik kienet prinċipalment ir-raġuni għaliex erġajt bdejt nagħmel il-mużika.” Dan l-artist lokali enfasizza li huwa sabiħ ħafna għalih li jkun hawn illum u jgħid: “ejja mmorru nisimgħu l-album tiegħi!”
Matul l-intervista spjegalna r-raġuni għaliex ried joħloq Beautifully Lost. Muxu beda biex qal li dan il-ktieb beda għax kien f’mument f’ħajtu fejn kien qed iħossu l-aktar mitluf li qatt ħassu. Spjega li kellu x-xorti li jkollu disa’ xhur fejn seta’ jivvjaġġa fl-Asja u seta’ għalhekk jitgħallem lezzjonijiet ’il bogħod mir-rutina ta’ kuljum. Qal ukoll li, “naf li mhux kulħadd għandu l-possibbiltà li jgħix esperjenzi bħal dawn, u għalhekk ridt inwassal din l-esperjenza lin-nies mingħajr ma jkollhom bżonn jonfqu ħafna flus.”
Dwar Beautifully Lost, l-artist lokali qal li, “tfisser ħafna affarijiet għalija. Mhix ħaġa waħda biss. Imma l-mod kif tgħinni l-aktar hu li anke fl-iktar mumenti mudlama, jew meta d-dinja ma tidhirx favur tiegħek, jekk tfittex biżżejjed, dejjem issib xi ħaġa sabiħa f’kull sitwazzjoni. Jista’ jkun rabta ma’ persuna, fjura, xi ħaġa naturali, jew sempliċement xi ħaġa li tapprezza. Għalija, li tkun beautifully lost ifisser li ma tkunx taf eżatt x’trid mill-ħajja, imma tkun komdu b’dan. Tapprezza l-vjaġġ u tipprova ssib it-tweġibiet tul it-triq”.
Ma kienx qed jemmen fih innifsu biżżejjed
Matul l-intervista, Muxu spjegalna d-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom, speċjalment bil-ktieb. Qal li l-akbar diffikultajiet kienu miegħu nnifsu, għax ma kienx qed jemmen fih innifsu biżżejjed. Qal ukoll li qatt ma kiteb ktieb qabel u dejjem kienet ħolma tiegħu, imma dejjem ħassha bħala xi ħaġa diffiċli ħafna. Il-fatt li llum qed iżomm ktieb tiegħu f’idu hi xi ħaġa inkredibbli.
“L-ikbar ħaġa li nbidlet minn meta bdejt nikteb il-ktieb ħames snin ilu sa llum hija l-persuna nnifsi. Il-persuna li bdiet tikteb dan il-ktieb kienet tħoss li kellha tipprova lilha nnfisha ħafna aktar minn kif inħoss illum. Illum inħoss li iva, għamilt dan għan-nies, għax nemmen li jista’ jgħinhom u jagħmilhom inqas waħedhom. Imma l-vera raġuni hija li dejjem kont dak it-tifel li joħlom li jkollu album tiegħu u li jikteb stejjer. Ma ridtx li xi darba nkun fuq is-sodda tal-mewt u ninduna li ma ħallejtx lili nnifsi noħlom biżżejjed biex nilħaq il-ħolma tiegħi”.
L-artist lokali temm jgħid li l-akbar sodisfazzjoni tiegħu hija li ħareġ mit-triq tiegħu stess u li llum qiegħed jitkellem dwar dan minkejja l-ostakli kollha li ġew tul it-triq.

