26 atleta ta’ Rush AC, ta’ età bejn l-10 u 15-il sena gawdew minn esperjenza memorabbli fir-Repubblika Ċeka waqt il-Logħob Ewropew tat-Tfal tal-Atletika li saru f’Brno, b’riżultati mill-aktar inkoraġġanti f’ambjent kompetittiv għall-aħħar.
Ċertament li l-iktar riżultat prestiġuż ta’ dan l-avventura kien ir-rebħa ta’ midalja tad-deheb minn Thea Parnis Coleiro fis-60m, b’riżultat ta’ 7.76s, li permezz tiegħu kisret rekord li ilu fil-kotba tal-isport lokali għal tul ta’ żmien, dak ta’ Alessia Cristina. B’dan il-ħin, Parnis Coleiro ma kisritx biss ir-rekord tal-kategorija attwali tagħha, jiġifieri l-Under 16, iżda anke dawk tal-Under 18 u l-Under 20, xhieda tal-potenzjal ta’ din l-atleta. Hija ġiet ukoll fir-raba’ post fit-300m u tilfet il-midalja tal-bronż għal frazzjoni ta’ sekonda.
Parnis Coleiro reġgħet lura fit-trakka flimkien ma’ sħabha Luca Gerada, Thea Shoemake u Andrea Grech bi presteazzjoni mill-isbaħ fil-4×300 mixed relay, hekk kif dan il-kwartett letteralment ikkanċella r-rekord nazzjonali preċedenti b’disa’ sekondi, meta temm it-tellieqa f’ħin ta’ 2:39.12.
Fl-iqsar relay, dik ta’ 4x60m, kemm il-bniet kif ukoll is-subien kisbu rekord ġdid tal-Klabb. Kayla Slack, Kayleigh Anne Ellul, Leah Frendo u Thais Catania ġrew id-distanza f’33.07s filwaqt li Andre Gauci, Giacomo Portelli, Waylin Debattista u Kurt Ciantar ġrewha f’35.31s.
Fost is-subien, ġimgħa mill-aktar pożittiva għal Luca Gerada li kiser rekord ta’ taħt is-16-il sena li wkoll kien ilu ma jingħeleb għal żmien twil, meta temm is-60m sprint b’ħin ta’ 7.31s, fejn ikklasifika fil-ħames post. L-istess pożizzjoni għalih fil-javelin, b’tefa’ ta’ 47.44m li fissret personal best ukoll. Gerada wasal ukoll fil-finali tax-shotput.
Waħda mill-iżgħar membri tad-delegazzjoni, Leah Frendo marret tajjeb ħafna wkoll meta fis-60m Under 11 temmet biss 0.02 ta’ sekonda bogħod minn post fuq il-podju.
Numru ta’ atleti oħra ta’ Rush AC kellhom prestazzjonijiet tajbin li permezz tagħhom għaddew il-heats rispettiva għall-finali u kisbu personal jew seasonal bests. Fl-istess waqt, bosta atleti żgħar komplew juru progess notevoli, fatt li jawgura tajjeb kemm għall-futur tal-Klabb iżda wkoll għall-atletika Maltija b’mod ġenerali.
Id-delegazzjoni ta’ Rush AC f’Brno tmexxiet minn Antonella Chouhal, Rachid Chouhal, Kyle Caruana u Matthew Micallef.