Esperti Ingliżi qegħdin iwissu lill-ġenituri dwar logħba bl-isem ‘Blue Whale’ li qiegħda twassal biex persuni jwettqu suwiċidju.
Din il-logħba, li saret fir-Russja fl-2016, diġà wasslet għal diversi mwiet madwar id-dinja mhux fost it-tfal biss iżda anke adulti li jagħżlu li jilagħbuha. Il-‘Blue Whale’ hija magħmula apposta għall-adolexxenti.
Fil-fatt, il-logħba ddum tintlagħab 50 jum u għal kull ġurnata għandek sfida differenti. Għall-ewwel jiem l-isfidi ma jkunu xejn ta’ barra minn hawn, bħal pereżempju tara film mal-ħbieb. Aktar ma jgerbu l-ġranet, l-isfidi jsiru aktar perikolużi, bħal ngħidu aħna tmur mixja waħdek f’post perikoluż u fid-dlam.
Eventwalment, lejn l-aħħar tal-50 jum din il-logħba tibda titolbok biex tweġġa’ lilek innifsek u tista’ twassal għas-suwiċidju.
Il-Professur Mark Griffiths waqt li kien qiegħed jikkummenta fuq il-midja Ingliża dwar studju li sar mill-Università ta’ Nottingham Trent ħeġġeġ lill-ġenituri biex mhux biss jaraw it-tfal xi jkunu qegħdin jagħmlu fuq it-tablets, iżda wkoll jieħdu nota tal-imġieba tagħhom.
Qed jiġi rrapportat li l-ġimgħa l-oħra, ġuvni li ismu mhux jixxandar b’rispett lejn il-familja, spiċċa nqatel hekk kif il-logħba tatu struzzjonijiet biex imur jixmi fil-foresta billejl. Dan għaliex ġara li kien hemm persuni oħrajn jilagħbu l-istess logħba, spiċċaw f’argument bejniethom li wassal għall-qtil tal-ġuvni.
Il-logħba għandha konnessjonijiet ma’ Jonathan Galindo – raġel li ħafna drabi jidher fil-pubbliku b’wiċċu miżbugħ ta’ Mickey Mouse jew ta’ kelb.